Is-Sindki ta' Għawdex juru t-tħassib tagħhom dwar il-qerda tal-pajsaġġ Għawdxi mal-President

Is-Sindki Għawdxin kellhom laqgħa dalgħodu mal-President ta' Malta George Vella

Il-kunsill reġjonali ta’ Għawdex qal lill-President George Vella li l-awtoritajiet għandhom jaħdmu biex iwaqqfu l-qerda tal-pajsaġġ Għawdxi minħabba l-iżvilupp.

Is-Sindki Għawdxin kellhom laqgħa dalgħodu mal-President u fi tmiemha, Samuel Azzopardi, il-president tal-kunsill reġjonali, insista mal-ġurnalisti li huma mhumiex kontra l-iżvilupp sostenibbli iżda kontra l-iżvilupp rampanti li ma jieħu xejn aktar inkonsiderazzjoni.

Azzopardi insista li din l-isfida għandha tkun indirizzata.

“Nifhmu li l-Uffiċċju tal-President għandu l-limitazzjonijiet tiegħu imma din hija waħda minn sensiela ta’ laqgħat mal-awtoritajiet biex aħna nressqu ‘l quddiem it-talba tagħna li jkun hemm politika propja li tipproteġi lill-gżira Għawdxija,” saħaq Azzopardi.

Il-kunill reġjonali mistenni jkollu laqgħat mal-Ministeru għall-Ambjent u anke mal-Awtorità tal-Ippjanar.

Preżenti wkoll kien hemm is-Sindku tal-Qala li appella biex iż-żona tal-Ħondoq tkun kklassifikata bħala ODZ.

More in Politika