Kunsilli Lokali jirċievu aktar minn €500,000 f’fondi Ewropej sabiex jirriġeneraw aktar spazji miftuħa

Zrinzo Azzopardi spjega li dawn il-fondi qed jgħinu biex inkomplu nsaħħu l-infrastruttura ħadra bħal ġonna u spazji miftuħa fl-inħawi rurali tal-lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima u l-manager tal-Fondazzjoni Gal Xlokk Terence Camilleri, inawguraw ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni li saru fiż-żoni ta’ Wied iż-Żurrieq u l-Ġibjun taż-Żurrieq.

Zrinzo Azzopardi spjega li dawn il-fondi qed jgħinu biex inkomplu nsaħħu l-infrastruttura ħadra bħal ġonna u spazji miftuħa fl-inħawi rurali tal-lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, bħala wieħed mill-benefiċjarji, irċieva madwar €55,000 f’fondi Ewropej, fejn saru diversi xogħlijiet fosthom tħawwil ta’ siġar, installazzjoni ta’ bankijiet ġodda magħmula minn materjal riċiklat, kif ukoll tweħħil ta’ information panels li jinfurmaw u jirrakkontaw l-istorja naturali taż-Żurrieq.

Is-Segretarju Parlamentari qal li dawn il-proġetti qed ikomplu jsebbħu l-lokalitajiet Maltin filwaqt li jsaħħu l-aspett ambjentali fl-irħula tagħna. Qal ukoll li minn dawn il-fondi bbenefikaw 11-il kunsill lokali u se jservu sabiex isiru diversi proġetti li jwasslu għal aktar riġenerazzjoni fi spazji pubbliċi.

Huwa kkonkluda billi qal li apparti minn dan il-proġett, iż-Żurrieq ibbenefika minn proġett ambjentali ieħor kbir, dak ta’ Wied Fulija, li dalwaqt jasal fi tmiemu wkoll. "Dan l-ispazju li qabel kien landfill, se nerġgħu nrodduh lura liż-Żrieraq hekk kif ġie riġenerat fi spazju miftuħ ieħor”.

Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet li dan il-proġett kien implimentat mill-kunsill lokali bl-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea u l-Fondazzjoni Gal Xlokk f’din iż-żona rurali u sabiħa fil-lokalità taż-Żurrieq. Hi spjegat kif permezz ta’ dan il-proġett, ġiet kreata żona rikreattiva u rilassanti f’ambjent naturali fi Triq il-Barrieri kif ukoll f’żona oħra fi Triq il-Wied. Is-sindku kkonkludiet billi ħeġġet lin-nies biex igawdu dawn il-proġetti, filwaqt li tenniet l-appell tagħha biex ma ssirx ħsara u tinżamm l-indafa.

Il-manager tal-Fondazzjoni Gal Xlokk Terence Camilleri spjega li dawn il-fondi huma ffinanzjati permezz tar-raba’ miżura mill-programm LEADER, amministrat mill-grupp ta’ azzjoni lokali.

 

More in Politika