'Inkwilini li għandhom biżżejjed assi jew proprjetajiet oħra se titwaqqfilhom il-kirja protetta'

Il-Ministru Roderick Galdes jiltaqa' mas-sidien ta' proprjetajiet marbuta b'kirjiet protetti

Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali ltaqa’ ma’ grupp ta’ sidien ta’ postijiet b’kirjiet protetti (ta' qabel l-1 ta' Ġunju 1995) bħala parti mill-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika mal-istakeholders kollha li se jkunu affettwati minn din ir-riforma.

Tul il-lagqħa, il-Ministru Roderick Galdes irrikonoxxa li din kienet problema li s-sidien ilhom jaffaċċjaw għal għexieren ta’ snin.

“F’dawn is-snin kollha ħadd ma ried imiss ma’ din is-sitwazzjoni. Dan il-gvern xammar il-kmiem u qed jindirizza din l-isfida għaliex illum il-ġurnata għandna sistema ta’ akkomodazzjoni b’saħħitha li toffri assistenza varja għal kul min ikollu bżonnha”, qal il-Ministru Galdes. 

Mumenti mil-laqgħa (virtwali) bejn il-Ministru u s-sidien
Mumenti mil-laqgħa (virtwali) bejn il-Ministru u s-sidien
Mumenti mil-laqgħa (virtwali) bejn il-Ministru u s-sidien
Mumenti mil-laqgħa (virtwali) bejn il-Ministru u s-sidien

Insista li dan l-intervent tal-Gvern hu wieħed bilanċjat, għaliex l-inkwilini li jeħtieġu l-protezzjoni se tingħatalhom bil-forma ta’ sussidji b’saħħithom, b’mod partikolari l-anzjani fejn iż-żieda sħiħa tal-kera se tiġi koperta mill-Awtorità tad-Djar. 

Spjega wkoll kif inkwilini li jirriżulta li għandhom biżżejjed assi jew proprjetajiet oħra, se titwaqqfilhom il-protezzjoni tal-kirjiet antiki u l-proprjetà tirritorna lura għand is-sid. 

Il-Ministru Galdes insista din hija riforma tagħmel ġustizzja mas-sidien li wara ħafna snin se jibdew jirċievu qligħ ġust mill-proprjetà tagħhom. 

Waqt il-laqgħa, il-Ministru Galdes fakkar ukoll li fil-preżent diġà hemm skema tal-Awtorità tad-Djar li tiffinanzja xogħlijiet strutturali (sa massimu ta’ €10,000) fuq proprjetajiet antiki b’kirjiet protetti. 

L-Awtorità tad-Djar se jkollha rwol importanti fir-riforma. B’unit ġdid fi ħdanha l-Awtorità se tkun qed tipprovdi koordinazzjoni permezz ta’ professjonisti u assistenza legali lil min jeħtieġ.

Il-gazzetta ILLUM/illum.com.mt b'rappurtaġġ estensiv dwar il-kwistjoni tal-kirjiet pre-1995 fl-aħħar ġimgħat

Ara hawn x'qalu s-sidien

Ara hawn x'qalu l-inkwilini

Ara hawn x'qal l-avukat Cedric Mifsud

Ara d-deċiżjonijiet tal-Qorti fuq din il-kwistjoni u l-Editorjal tal-gazzetta ILLUM dwar din ir-realtà

More in Politika