Dibattitu Covid | 'L-iscreening fil-portijiet għandu jissaħħaħ għax it-theddida ta' varjanti oħra għadha teżisti'

Tenna l-appell tal-Oppożizzjoni għal emerġenza fis-saħħa pubblika biex is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tkun tista' tidderieġi u mhux tikkummenta

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Stephen Spiteri, appella biex jissaħħaħ l-iscreening fl-Ajruport u fil-portijiet għax it-theddida ta’ varjanti oħra għadha teżisti.

Spiteri kien qed jitkellem fil-Parlament waqt dibattitu dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f’Malta li talbet l-Oppożizzjoni lbieraħ.

Tul id-diskors tiegħu, Spiteri saħaq li s-sitwazzjoni preżenti setgħet ġiet evitata kieku l-Gvern ħares u tgħallem minn dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra minħabba l-varjanti tal-Covid-19.

Fakkar li l-Oppożizzjoni kienet ilha li tabet biex isir screening b’saħħtu fl-ajruport u anke fil-portijiet.

Kien hawn li insista li l-awtoritajiet għadhom fiċ-ċans li jsaħħu dan l-iscreening, għax fi kliemu, għad hemm iċ-ċans li jaslu varjanti oħra tal-Covid-19.

Emerġenza tas-Saħħa Pubblika

Tkellem dwar il-bżonn li tkun iddikjarata emerġenza fis-saħħa pubblika.

“Qed ngħiduh għax nemmnu li fis-sitwazzjoni preżenti, għandu jkun l-Uffiċċju tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika li tidderieġi u mhux biss tikkummenta,” insista Spiteri waqt li fakkar fil-proposta tal-Oppożizzjoni li jkun hemm kumitat ta' esperti tas-saħħa li jgħinu u jagħtu l-pariri tagħhom fuq is-sitwazzjoni u l-miżuri neċessarji

Fi kliemu, hawn l-ingredjenti kollha biex din tissejjaħ, fosthom ir-rata ta’ każi ġodda, l-għadd ta’ każi attivi ta’ Covid-19 u anke r-rata tal-imwiet.

Fakkar ukoll li dan huwa virus ġdid u l-esperti madwar id-dinja għadhom qed jitgħallmu x’effett jista’ jħalli u għalhekk importanti li r-rata tal-imxija tinżamm baxxa kemm jista’ jkun.

Pressjoni fl-isptarijiet

Tkellem dwar il-pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa u insista li l-pajjiż għandu l-obbligu li jara li kull min jiġi infettat, jingħata l-kura li għandu bżonn.

Fakkar ukoll li hemm diversi pazjenti fuq kura intensiva u insista li l-awtoritajiet mhux biss iridu jassiguraw li jkun hemm sodod disponibbli, imma anke jkun hemm biżżejjed riżorsa umana.

“Irridu nibżgħu għall-frontline tagħna li huwa għajjien,” insista Spiteri waqt li saħaq li l-isptar għandu limitu. “Kemm se ndumu naraw fejn se niftħu sala ġdida jew inżidu s-sodod.”

Qal ukoll li l-pajjiż għandu l-obbligu li jara li l-operazzjonijiet kollha, kemm dawk li huma skedati u anke dawk ta’ emerġenza.

Fakkar li l-isptar irid jitratta kundizzjonijiet oħra għax mhux il-Covid-19 biss jeżisti.

More in Politika