Dibattitu Covid | 'It-tmiem tal-pandemija jeżisti ... għalhekk irridu nassiguraw li r-rota ekonomika tibqa' ddur'

Minkejja l-kritika li rċieva, il-Prim Ministru insista li l-Gvern dejjem mexa max-xjenza u dejjem ibbilanċja l-miżuri skont iċ-ċirkostanzi tal-mument

“Kollha nafu li t-tmiem tal-pandemija jeżisti. Għalhekk irridu naraw li r-rota ekonomika tibqa’ ddur, biex fi tmiem ma jkollnix negozji li jkunu fallew.” Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela meta dalgħodu kien qed jindirizza l-Parlament bħala parti minn dibattitu, li talbet għalih l-Oppożizzjoni lbieraħ, dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija.

Minkejja l-kritika li rċieva, il-Prim Ministru insista li l-Gvern dejjem mexa max-xjenza u dejjem ibbilanċja l-miżuri skont iċ-ċirkostanzi tal-mument, għax, fi kliemu, is-saħħa dejjem ingħatat il-prijorità.

“Ħadna d-deċiżjonijiet li kienu iebsa. Kien hemm deċiżjonijiet li jaqsmulek qalbek, fosthom l-għeluq tal-iskejjel u l-ajruport,” insista l-Ministru.

Saħaq li l-Gvern jibqa’ bl-obbligu li jħares is-saħħa tan-nies, il-kwalità tagħha u l-livell tal-għajxien tagħhom.

“Dawn kienu l-linji gwida li mexa magħhom il-Gvern f’dawn ix-xhur,” insista,

Tkellem dwar deċiżjonijiet oħra li ħa l-Gvern foshtom biex xtara l-apparat li jkun hemm bżonn, bħall-ventilators u l-ilbies protettiv għall-ħaddiema tas-saħħa. Insista li dan, f’Marzu li għadda, ma kienx faċli.

Fakkar li għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, il-Gvern ħadem biex saħħaħ ir-riżorsa tiegħu biex it-testijiet setgħu jiżdiedu, sabiex il-pajjiż ikollu stampa ċara tas-sitwazzjoni biex ikun jista’ jikkontrolla aħjar.

Il-programm tat-tilqim

Tkellem dwar il-varjant li jinxtered aktar u li wassal biex żdiedu l-każi f’Malta. Propju għalhekk, kompla l-Prim Ministru li kien hemm bżonn miżuri li jiddefendu kontra l-imxija, filwaqt li l-awtoritajiet tas-saħħa jkomplu jattakkaw bil-vaċċin, li tenna li huwa s-soluzzjoni.

“Sodisfatt li pajjiżna huwa l-aktar pajjiż li qiegħed ilaqqam, ras għal ras, fl-Unjoni Ewropea,” saħaq Abela. “Qegħdin fuq quddiem nett għax irnexxilna nġibu biżżejjed vaċċin u għax għandna riżorsa tajba. Għal darb’oħra urejna għaqal.”

Il-Prim Ministru fakkar li qed jitlaqqmu madwar 5,000 persuna kuljum u insista li r-riżultati huma tajbin.

Insista li fost il-kategorija ta' dawk li għandhom 'il fuq minn 80 sena, ir-riżultati qed juru li l-vaċċin jaħdem għax naqsu l-għadd ta' pazjenti b'infezzjoni severa u naqsu wkoll l-imwiet.

Sellem lill-ħaddiema kollha tas-saħħa u anke lil dawk li qed jinforzaw ir-regolamenti waqt li saħaq li jittama li jasal mument fejn minkejja li l-infurzar jibqa' jsir, ħadd ma jinqabad jikser ir-regolamenti.

Għajnuna tal-Gvern

Tkellem dwar l-għajnuna li offra l-Gvern tul dawn ix-xhur u li fi kliemu waslet biex ma jseħħx it-tbassir li kellu l-Gvern, jiġifieri li kienu se jintilfu eluf ta' impjiegi.

Fakkar li għall-aktar negozji li marru ħażin bil-pandemija, is-suppliment tal-paga se jibqa' jingħata sal-aħħar tas-sena, biex hekk, il-Gvern ikun ilu sena u disa' xhur jgħin lil dawn in-negozji.

"Se nibqgħu ngħinu lin-negozji sa meta jkun hemm bżonn," insista l-Prim Ministru waqt li appella lil kulħadd biex iħares lejn dak li qed jiġri f'pajjiżi differenti.

"Il-miżuri li ħadna biex ngħinu lin-negozji kellhom riżultat mhux li xtaqna aħna imma saħansitra lilhinn," qal il-Prim Ministru waqt li kkwota minn statistika tal-Unjoni Ewropea li juri kif Malta baqa' jkollha l-akbar żieda ta' impjiegi u mistenni jkollha l-akbar tkabbir ekonomika fl-2022. "Ma għandnix għaliex naqtgħu qalbna ... għandna r-rieda u d-determinazzjoni li nibqgħu naħdmu għan-nies biex nipproteġu l-ekonomija, is-saħħa tan-nies u l-għajxien tagħhom."

Temm jappella lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex ma jbiddilx dan id-dibatturi f'wieħed ta' partiġġjaniżmu.

"Ejjew nitkellmu kif aħna flimkien nistgħu naħdmu flimkien bħala poplu magħqud u wieħed," temm jisħaq Abela. "Ejja ningħaqdu flimkien biex flimkien immexxu lil dan il-pajjiż 'il quddiem."

Intant tkellem ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech:  Ara hawnhekk.

More in Politika