It-tobba jilqgħu l-miżuri u jħeġġu biex l-anzjani minn 60 sena 'l fuq jitlaqqmu mill-aktar fis

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija appellet ukoll għal aktar trasparenza fuq il-programm tat-tilqim

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija laqgħet il-miżuri li tħabbru lbieraħ biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19 u ħeġġet biex il-persuni li għandhom bejn 60 u 80 sena, jiġu mlaqqma mill-aktar fis possibbli.

Fi stqarrija wara li lbieraħ il-Gvern ħabbar numru ta’ miżuri restrittivi, il-MAM faħħret ukoll il-fatt li kontinwalment qed jaslu f’pajjiżna konsenji tal-vaċċin u kien għalhekk li ħeġġet lill-awtoritajiet biex iħaffu l-proċess tat-tilqim fost il-persuni vulnerabbli.

Qalet li se tkompli tosserva l-progress tal-pandemija u anke l-effett tagħha fuq is-servizzi tas-saħħa.

Ħeġġet ukoll lill-pubbliku inġenerali, partikolarment lill-anzjan u lill-gruppi vulnerabbli, biex jibqgħu kemm jista’ jkun id-dar u jnaqqsu l-kuntatti tagħhom.

Appellet ukoll għal aktar trasparenza fuq il-programm tat-tilqim.

More in Politika