Jippruvaw jixtru s-silenzju tal-Koħħu billi joffru €1,500 fix-xahar lil martu u lil bintu

Tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa Tal-Maksar, Jamie Vella u George Degiorgio

Jamie Vella u Robert Agius (Tal-Maksar) kienu offrew li jħallsu €1,500 fix-xahar li mara u lit-tifla ta’ Vince Muscat (Il-Koħħu) bil-patt u l-kundizzjoni li dan jibqa’ sieket u ma jgħid xejn dwaru.

Din l-offerta ma ġietx milqugħa u Muscat aċċetta patteġġjament basta jwieġeb ħati għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jikxef dak kollu li jaf dwaru. 

Dan ħareġ hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Agius, huh Adrian, Jamie Vella u George Degiorgio (magħruf bħala 'Iċ-Ċiniż'). Huma qed ikunu akkużati bl-involviment tagħhom fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop u fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Qarib ta’ Vince Muscat xehed dalgħodu anke jekk ismu ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti.

Huwa qal li kien qed jixrob f’bar fil-Marsa meta mar fuqu “ċertu wieħed jismu Jamie” u għamillu din l-offerta.

Dan seħħ meta bdew ħierġa l-aħbarijiet li Muscat kien qed jitkellem mal-Pulizija wara diversi xhur jinżamm arrestat b’rabta mal-assassinju.

Robert Agius u Vella qed ikunu akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Huma kienu arrestati ftit ħin wara li Muscat ingħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs.

Muscat ingħata wkoll il-maħfra presidenzjali biex jikxef l-informazzjoni kollha dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.

Ix-xhud qal li xhur wara l-ewwel offerta, l-istess Jamie mar fuqu u talbu tweġiba iżda infurmah li ma kinux interessati. Ftit tax-xhur wara, il-familja ta’ Muscat irrapportaw dan lill-Pulizija.

Xehed ukoll John Bugeja li spjega kif kien kera garaxx fil-Mosta f’isem Robert Agius. Qal li aċċetta li jagħmel dan għax kien obbligat lejn Agius.

Qal li Tal-Maksar kien qallu li fil-garaxx kellu jżomm karozza iżda x’aktarx li dan kien il-post fejn inżammet il-bomba li tpoġġiet fil-karozza ta’ Daphne Caruana Galizia.

More in Politika