L-iskejjel tal-Knisja jilmentaw li membri tal-istaff tħallew fl-għama dwar it-tilqima kontra l-Covid-19

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija qed jisħaq li huwa imperattiv li l-membri tal-istaff fl-iskejjel jingħataw it-tilqima mill-aktar fis possibbli

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija qed iħeġġeġ biex il-proċess tat-tilqim għall-membri tal-istaff fl-iskejjel jitħaffef u biex ikun aktar ibbilanċjat.

Fi stqarrija, is-Segretarjat qal li diversi skejjel tal-Knisja qed jirrapportaw li l-membri tal-istaff tagħhom għadhom ma rċevewx appuntamenti biex jieħdu t-tilqima kontral-Covid-19.

Qal li dan qed joħloq stress u tensjoni fost membri tal-istaff li qed jisħqu li tħallew barra u li qed jistaqsu b’liema kriterji qed jingħataw l-appuntamenti għat-tilqim.

Is-Segretarjat insista li hekk kif il-pajjiż qed jiffaċċja mewġa oħra serja ta’ każi ġodda, l-iskejjel qed jintalbu jibqgħu miftuħa biex tkun assigurata l-edukazzjoni lill-istudenti.

Għalhekk, l-iskejjel tal-Knisja qed jinsistu li huwa imperattiv li l-membri tal-istaff jingħataw l-għajnuna li hemm bżonn.

“Mhuwiex inaċċettabbli li numru sinifikanti ta’ membri tal-istaff fl-iskejjel jinżammu fl-għama dwar meta se jirċievu l-appuntament għat-tilqim,” insista s-Segretarjat.

Temm jappella lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u lill-Ministeru għas-Saħħa biex isolvu din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli. 

More in Politika