Għadd ta’ persuni interrogati fl-investigazzjoni dwar allegat tixħim bejn Schembri u Hillman

L-allegazzjonijiet iduru ma’ €650,000 li allegatament Hillman irċieva f’kont li kellu fil-British Virgin Islands mingħand Keith Schembri

Għadd ta’ persuni ġew interrogati mill-Pulizija bħala parti mill-investigazzjoni li għaddejja dwar ħasil ta’ flus u li fiha hemm involuti l-eks Editur Maniġerjali tal-Allied Newspapers Adrian Hillman u l-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Fost dawn, skont MaltaToday, ġie interrogat Matthew Pace, wieħed mis-sidien ta’ Zenith Financial Managment li fi żmien l-allegazzjonijiet kienet tissejjaħ MFSP.

Din il-kumpanija kienet timmaniġġja l-kontijiet ta’ investiment kemm ta’ Hillman u anke Schembri.

Jidher li ġew interrogati wkoll Malcom Scerri, is-sieħeb fin-negozju ta’ Keith Schembri u anke l-eks Direttur tal-Allied Newspaper Vince Buhagiar

Inkjesta maġisterjali dwar allegazzjoni ta’ tixħim li Hillman irċieva mingħand Keith Schembri, kienet konkluża fil-jiem li għaddew u għaddiet f’idejn l-Avukat Ġenerali.

L-allegazzjonijiet iduru ma’ €650,000 li allegatament Hillman irċieva f’kont li kellu fil-British Virgin Islands.

Il-pagamenti saru bejn l-2011 u l-2015.

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil, kien allega li Schembri uża kumpanija f’Ġibilta, jisimha Malmos, kontijiet oħra fl-Iżvizzera u f’Ġibilita u anke kontijiet fil-Bank Pilatus biex għadda flus lil Hillman.

More in Politika