Il-Pulizija toħroġ 500 multa f'ġimgħa lil persuni li nqabdu jiksru r-regoli tal-Covid-19

Diversi persuni weħħlu wkoll multa għax neħħew il-maskra biex jieklu jew ipejpu waqt li kienu fuq barra hekk kif dan huwa illegali

Tul il-ġimgħa li għaddiet, il-Pulizija ħarġet aktar minn 500 multa għal dawk il-persuni li nqabdu jiksru l-miżuri imposti biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Matul dan tmiem il-ġimgħa, b'mod partikolari, wieħed seta' jinnota preżenza qawwija ta' Pulizija u anke uffiċjali oħra ta' infurzar li kienu qed iduru diversi lokalitajiet biex jassiguraw li kulħadd jimxi mar-restrizzjonijiet li ġew imposti fl-aħħar jiem u ġimgħat mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Fost oħrajn, il-Pulizija kienet involuta f'ħidma fil-Ħamrun, kemm biex ikkontrollat folla li nġabret tiċċelebra r-rebħa ta' Hamrun Spartans fuq Hibernians u anke wara li lbieraħ inqabdu madwar 60 persuna, ħafna minnhom anzjani, li kienu qed jattendu tombla.

Apparti minn hekk, il-Pulizija bdiet tinvestiga wkoll dgħajsa li kellha fuqha madwar 80 persuna, ta' nazzjonalità barranija. Skont rapporti, fuq din id-dgħajsa nstab anke l-alkoħol.

Diversi persuni weħħlu wkoll multa għax neħħew il-maskra biex jieklu jew ipejpu waqt li kienu fuq barra. Fil-fatt, id-djar privati u l-karozzi privati huma l-uniku żewġ postijiet fejn l-ilbies tal-maskri mhuwiex mandatorju. Dan ifisser li jekk se tordna take away, tista' jew tieklu d-dar, jew inkella fil-karozza.

Il-liġi teżenta biss lit-tfal li għandhom inqas minn tliet snin u anke persuni li jbatu minn kundizzjonijiet severi, kemm ta' mġieba u anke dawk respiratorji.

More in Politika