Il-PN jipproponi 'awditu tal-ġeneru' fl-istrutturi parlamentari; Iniedi pjan ta' azzjoni fl-okkażjoni ta' Jum il-Mara

Bernard Grech iddeskriva bħala “defiċit demokratiku” l-fatt li minn 67 Deputat, disa’ minnhom biss huma nisa

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jseħħ dak li jissejjaħ “awditu tal-ġeneru” tal-istrutturi parlamentari biex ikun magħruf għaliex dawn mhux qed jiġbdu biżżejjed nisa biex jidħlu fil-ħajja politika.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech iddeskriva bħala “defiċit demokratiku” l-fatt li minn 67 Deputat, disa’ minnhom biss huma nisa.

Propju għalhekk li l-Kap tal-Oppożizzjoni nieda pjan ta’ azzjoni li jinkludi tnax-il miżura biex ikunu indirizzati dawk ir-raġunijiet li qed iżommu lin-nisa ‘l bogħod mill-politika.

“Il-missjoni tagħna hija li naċċertaw ruħna li l-kwalità tal-ħajja titgawda minn kulħadd u biex ikollna kwalità tal-ħajja tajba f’soċjetà ġusta għandna bżonn kemm nisa kif ukoll irġiel. It-tnejn neċessarji u meħtieġa biex insawru politika ġusta li tiffaċilita l-ħajja tan-nies,” insista.

Kompla jgħid li huwa importanti wkoll lin-nisa jingħataw l-istess opportunitajiet bħall-irġiel kemm ekonomikament u anke soċjalment. Irrimarka li hija ħasra li għad hawn vjolenza kontra n-nisa u li għadhom qed jitħallsu inqas mill-irġiel, anke meta jagħmlu l-istess xogħol.

Il-pjan ta’ azzjoni qiegħed jitmexxa mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni Therese Comidini Cachia li tenniet li l-PN se jkun qed jappoġġja l-mekkaniżmu għall-korrezzjoni tal-ġeneru u li se jara li aktar nisa jkunu eletti fil-Parlament wara l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Qalet ukoll li se jkun assigurat li anke fl-istrutturi tal-PN ikun hemm aktar spazju għan-nisa.

Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi wkoll programmi ta’ taħriġ kemm għal nisa u anke irġiel li jixtiequ jidħlu fil-politika.

Dawk il-persuni li jieħdu sehem f’dawn il-programmi, se jingħataw ukoll l-opportunità li jaħdmu viċin uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista u anke Deputati, malli jtemmu l-programm.

Il-pjan ta’ azzjoni tal-PN huwa miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika u se jkun ippubblikat bil-proposti finali fit-30 ta’ Ġunju.

More in Politika