Virtu Ferries tapplika għal-liċenzja biex topera fast ferry bejn il-Belt u Għawdex

Il-kumpanija qalet li għal bidu se tuża wieħed mill-bastimenti tagħha sakemm tinvesti f'wieħed apposta għal din ir-rotta

Il-kumpanija Virtu Ferries ħabbret li applikat ma' Transport Malta għal-liċenzja biex tkun tista' topera servizz ta' fast ferry bejn Malta u Għawdex.

Dan wara li l-Ministru għat-Trasport Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kienu ħabbru l-liberalizzazzjoni tas-servizz ta' fast ferry bejn il-gżejjer.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li kienet ilha turi interess f'Għawdex mill-1988, jiġifieri s-sena li fiha twaqqfet u għalhekk ħattfet din l-opportunità. 

Insistiet li qed tħares 'il quddiem biex tirreplika s-suċess li kisbet f'dawn l-aħħar 33 sena b'rotot internazzjonali, inkluż bejn Malta u Sqallija, iżda din id-darba għar-rotta bejn il-Belt Valletta u l-Imġarr.

Spjegat li ġaladarba t-tir huwa li l-fast ferry jibda jopera fl-1 ta' Ġunju, għall-bidu l-kumpanija se tkun qed topera b'wieħed mill-bastimenti tagħha.

Madanakollu, il-ħsieb huwa li tinvesti f'bastiment apposta għal din ir-rotta u li anke jkun jirrispetti l-istandards kollha ambjentali.

More in Politika