'Il-missier huwa parti mit-tarbija daqskemm hi l-omm' - Ittra lil Fearne u lil Gauci biex il-missirijiet ikunu preżenti waqt il-ħlas

Grupp ta' familji ġodda ngħaqdu biex iħeġġu lill-awtoritajiet tas-saħħa jippermettu li l-missirijiet ikunu preżenti waqt il-ħlas

Grupp ta’ familji li qed jistennew tarbija fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin, bagħtu ittra lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u anke lis-Supretendent tas-Saħaħ Pubblika, Charmaine Gauci, biex tinbidel id-deċiżjoni li ttieħdet fl-aħħar jiem biex missirijiet ma jidħlux mal-omm tul il-proċess kollu tat-twelid, minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija.

Fl-ittra, il-familji jisħqu li huwa dritt tal-missirijiet li jkunu preżenti għall-ewwel ftit sigħat u ġranet ta’ uliedhom u huwa wkoll dritt tat-tarbija li jkollha lil missierha preżenti fl-ewwel mumenti ta’ ħajjitha.

“Il-missier mhuwiex viżitatur. Il-missier huwa parti mit-tarbija daqskemm hi l-omm. Minkejja x-xogħol siewi tal-qwiebel, xejn mhu se jbiddel il-valur tal-preżenza tal-missier ħdejn l-omm u l-ilied,” tkompli l-ittra.

L-ommijiet u l-missirijiet il-ġodda saħqu li l-omm, wara t-twelid, ikollha bżonn tistrieħ u ma tistax tagħmel dan jekk ma jkunx hemm il-persuna li verament tafda biex tħares lit-tarbija.

“Dan jgħodd aktar u aktar għal dawk l-ommijiet li se jwelldu permezz ta’ ċesarja jew li se jkollhom tewmin jew aktar. Kif tista’ tlaħħaq mat-trabi waħdek meta għadek lanqas biss ġejt f’sensik u għadek muġugħa?” kompliet tistaqsi l-ittra.

L-ommijiet, min-naħa tagħhom, kitbu li għalihom, diġà huwa ta’ stress u pressjoni l-fatt li qed iġorru f’ġufhom tarbija fi żmien pandemija. 

L-ittra mibgħuta mill-ommijiet u l-missierijiet il-ġodda
L-ittra mibgħuta mill-ommijiet u l-missierijiet il-ġodda
L-ittra mibgħuta mill-ommijiet u l-missierijiet il-ġodda
L-ittra mibgħuta mill-ommijiet u l-missierijiet il-ġodda
L-ittra mibgħuta mill-ommijiet u l-missierijiet il-ġodda
L-ittra mibgħuta mill-ommijiet u l-missierijiet il-ġodda

“Ħafna minna qed inbatu minn ansjetà qawwija, saħansitra anka b’kundizzjonijiet aktar serji. Din id-deċiżjoni żgur li ma kkunsidratx dan. Ħafna, b’din id-deċiżjoni qed iħossuhom agħar. Ħaġa li jista’ jkollha konsegwenzi koroh fuq it-tarbija. Kif tista’ tħeġġeġ omm tistrieħ u sserraħ moħħha li kollox huwa sew meta l-aktar persuna li tixtieq li tkun hemm biex tagħtiha l-appoġġ, mhux titħalla tidħol,” insistew.

Insistew li din id-deċiżjoni hija konferma ta’ kemm għad hawn il-kultura u l-idea li l-missier mhux importanti daqs l-omm fit-trobbijia tat-tfal.

Għalhekk, il-familji qed jagħmlu diversi suġġerimenti lill-awtoritajiet tas-saħħa, fosthom biex il-missier jidħol mal-omm u jibqa’ hemm sakemm jasal iż-żmien biex il-familja tmur id-dar (dejjem jekk qabel ikun għamel test u rriżulta negattiv).

Staqsew ukoll jekk hux possibbli li jkun hemm faċilitajiet għal rapid testing barra s-swali biex il-missirijiet ikunu jistgħu jagħmlu test dak il-ħin stess.

“Li kompla jferrex il-melħ fuq il-ġerħa huwa l-fatt li filwaqt li ħaddieħor jista’ jiltaqa’ f’rases ta’ għexieren ta’ nies, jibqa’ jattendi funzjonijiet reliġjużi u tiġijiet, u saħansitra jistieden lin-nies id-dar, il-missirijiet, li jagħmlu parti mill-istess bubble tal-omm u t-tarbija, mhux se jitħallew iqattgħu l-ewwel żmien ta’ ħajjet uliedhom magħhom,” temmet tgħid l-ittra.

More in Politika