Repubblika akkużata li qed tikser il-liġi dwar l-NGOs; L-organizzazzjoni tisħaq li ħadd mhu se jsikkitha

Il-Kummissjoni għall-Organizazzjonijiet Volontarji akkuża wkoll lil Repubblika li qed tinstiga 'propaganda politika'

L-organizzazzjoni Repubblika kienet akkużata mill-Kummissjoni għall-Organizazzjonijiet Volontarji li kisret il-liġi dwar l-NGOs u li instigat “propaganda politika,” u anke wissietha li jekk ma temendax l-istatut tagħha, se jkollha tiffaċċja azzjoni legali.  

Iżda Repubblika wieġbet lura li ħadd mhu se jsikkitha u li se tiġġieled bis-saħħa kollha tagħha kontra kull attentat.

“Qed nikkunsidraw l-ittra tiegħek bħala attentat sfaċċat biex issikkitna,” kitbet Repubblika lill-Kummissarju għall-Organizazzjonijiet Volontarji u li qed jagħmel dan għax huma kellhom il-kuraġġ li jsemmgħu leħinhom.

“Dan mhux sempliċiment dritt tagħna. Huwa dmir tagħna bħala organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili,” insista l-President ta’ Repubblika Robert Aquilina.

L-ittra li rċeviet Repubblika
L-ittra li rċeviet Repubblika
L-ittra li rċeviet Repubblika
L-ittra li rċeviet Repubblika
L-ittra li rċeviet Repubblika
L-ittra li rċeviet Repubblika
L-ittra li rċeviet Repubblika
L-ittra li rċeviet Repubblika

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, permezz tal-Avukata Maria Scicluna Criminale, akkuża lil Repubblika li qed jikser il-liġi u anke l-istatut meta tiġi għall-finanzjament u anke s-sorsi li tuża biex tħallas l-attivitajiet li torganizza.

Qal ukoll li Repubblika “għandha element qawwi ta’ interess privat” fit-tmexxija tal-operat tagħha u li qed titmexxa bħala fondazzjoni aktar milli organizzazzjoni volontarja.

Propju għalhekk li kkonkluda li l-organizazzjoni ma tikkwalifikax bħala organizzazzjoni volontarja imma bħala fondazzjoni b’interess privat u għalhekk “qed tikser l-Att dwar l-Għaqdiet Volontarji,” tkompli l-ittra.

Takkuża wkoll lil Repubblika li kissret l-istess Att għax hija involuta ħafna f’materji politiċi u li qed tinstiga l-propaganda politika.

Madanakollu, il-President ta’ Repubblika, Robert Aquilina, wieġed lill-Kummissarju u saħaq li l-metodi li permezz tagħhom tiġbor il-flus huma normali u ma jiksru l-ebda liġi.

Insista li Scicluna Criminale kienet eżaminat l-istatut qabel it-twaqqif tal-organizzazzjoni f’Jannar tal-2019 u dak iż-żmien ma kienet innutat xejn ħażin.

Fakkar li l-awditur tal-Kummissarjat eżamina l-kontijiet tal-NGO sena ilu u lanqas ma sab xejn ħażin jew innota xi irregolaritajiet.

It-tweġiba ta' Repubblika
It-tweġiba ta' Repubblika
It-tweġiba ta' Repubblika
It-tweġiba ta' Repubblika
It-tweġiba ta' Repubblika
It-tweġiba ta' Repubblika
It-tweġiba ta' Repubblika
It-tweġiba ta' Repubblika

“Repubblika mhijiex partit politiku, ma hi kkontrollata mill-ebda partit politiku u ma timmilita favur l-ebda partit politiku,” insista Aquilina.

Insista wkoll li Repubblika hija magħmulha minn persuni li għandhom opinjonijiet li jixtiequ jesprimu u li jekk dan qed idejjaq lil xi politiċi, allura din hija problema tagħhom.

“Li wieħed jesprimi b’mod liberu l-opinjoni tiegħu fuq materji politiċi huwa dritt fundamentali tal-bniedem u huwa fid-dmir tiegħek bħala uffiċjal tal-istat li tassigura li dan ikun irrispettat,” insista Aquilina.

Temm iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tbiddel “il-pożizzjoni abbużiva u inaċċetabbli tagħha” u wissiet li se tkun qed iżomm infurmata b’dan kollu lill-entitajiet internazzjonali li jħarsu d-drittijiet tal-bniedem.

More in Politika