Uffiċjali tal-PL jisħqu li l-aħħar sondaġġ politiku għandu jservi ta’ ‘wake up call’ għall-Prim Ministru

Il-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela tinżel taħt l-40% fl-aħħar sondaġġ politiku ppubblikat mill-kamra tal-aħbarijiet ta’ MediaToday; Bernard Grech jibqa’ ma jimxix ‘il quddiem

Hekk kif l-aħħar sondaġġ ippubblikat f’dan il-Ħadd fuq il-gazzetta oħt MaltaToday juri li l-fiduċja fil-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela niżlet taħt l-40%, għadd ta’ uffiċjali u diriġenti tal-Partit Laburista saħqu mal-gazzetta ILLUM li jinsabu inkwetati bl-aħħar sondaġġi u li dawn għandhom iservu bħala “wake up call” biex il-PL ma jibqax jieħu “daqqiet f’sidru għalxejn.”

Mal-gazzetta, l-istess uffiċjali saħqu li l-atteġġjament tal-Prim Ministru f’dawn ix-xhur tal-pandemja seta’ ħadem kontra l-Partit Laburista. Insistew li n-nuqqas ta’ deċiżjonijiet fl-aħħar ġimgħat u d-dewmien biex ġew introdotti aktar restrizzjonijiet, huma kaġun ta’ din in-nuqqas ta’ fiduċja u r-riżultati fis-sondaġġi.

“Hemm barra hemm nies li qed jaraw Prim Ministru li mhux qed jieħu d-deċiżjonijiet iebsa li hemm bżonn jittieħdu u li qed ikun insensittiv għat-tbatijiet tan-nies. Mhuwiex il-każ, iżda din hija l-perċezzjoni. In-nies iridu deċiżjonijiet f’ħinhom u aktar ċari,” insista wieħed mill-uffiċjali u sors ta’ din il-gazzetta.

Uffiċjali u diriġenti oħra kkummentaw li l-Prim Ministru qed jidher sensittiv wisq għall-kritika li jirċievi. Saħansitra kien hemm min saħaq li qed jidher qisu Lawrence Gonzi, “jitkellem biss dwaru nnifsu.”

Qalu li fl-aħħar jiem, il-Prim Minsitru kien taħt pressjoni u insistew li dan deher anke fil-konferenza ta’ nhar il-Ħamis meta, fi kliemhom, deher “stressjat iżżejjed u għajjien.”

Uffiċjali ewlenin oħra, fi ħdan il-Partit Laburista, ilmentaw mal-gazzetta ILLUM li Abela qed jagħti wisq importanza lil politiċi bħal Jason Azzopardi u qed jinħela “f’battibekki bla bżonn.”

Intant, l-istess sondaġġ ippubblikat illum juri kif minkejja kollox, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech baqa’ fejn kien u dan f’ċirkostanzi meta kien mistenni li jżid l-appoġġ.

More in Politika