Jibdew jintbagħtu l-ittri għall-vaċċin tal-Covid-19 lil dawk kollha ’l fuq minn 60 sena

Bħalissa f’Malta hawn madwar 40 ċentru għall-vaċċinazzjoni

Matul il-ġranet li ġejjin se jibdew jintbagħtu l-ittri lil dawk kollha li għandhom ’il fuq minn 60 sena, inkluż dawk li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 71 u 74 sena.

Dan qalu aktar kmieni llum id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Fearne spjega li hekk kif Malta għandha vaċċini minn kumpaniji differenti li huma rakkomandati għall-etajiet differenti, il-programm ta’ vaċċinazzjoni f’pajjiżna se jkompli b’mod parrallel, fejn dawk kollha ta’ ’l fuq minn 60 sena se jibdew jircievu appuntamenti mil-lum stess.

Madanakollu l-ittri tal-appuntament se jibdew jintbagħtu b’mod gradwali fuq medda ta’ ftit ġimgħat.

Intant bħalissa f’pajjiżna għandna madwar 40 ċentru għall-vaċċinazzjoni, li jinkludi fost oħrajn iċ-ċentri kollha tas-saħħa, numru kbir ta’ bereġ fil-komunità, l-Isptar Mater Dei, l-Università ta’ Malta, il-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Luqa kif ukoll il-Head Office tal-Water Services f’Ħal Luqa.

“Il-vaċċin huwa l-aqwa għodda li għandna biex niġġieldu l-Covid-19. Il-vaċċin flimkien mal-osservazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni se jkunu fundamentali biex kemm jista’ jkun malajr innaqqsu b’mod drastiku in-numru ta’ każijiet attivi tal-Covid-19 f’pajjiżna,” qal id-Deputat Prim Ministru.

More in Politika