'Bħala saċerdot u ragħaj, b'qalb muġugħa, nitlob maħfra lil dawk fostkom li sfaw vittma ta' abbuż'

L-Isqof ta' Għawdex jisħaq li filwaqt li mal-vittma trid issir ġustizzja anke min iwettaq l-abbuż għandu d-dritt li 'jingħata l-appoġġ meħtieġ biex jidħol fi proċess ta' fejqan'

L-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma kiteb ittra lid-Djoċesi li fiha talab maħfra għall-każi ta' abbuż sesswali minn membri tal-kleru Għawdxin.

Huwa rrefera għall-każi riċenti ta' allegati abbużi sesswali minn żewġ saċerdoti mix-Xagħra u saħaq li dawn qajmu fost il-poplu sentimenti ta' rabta, uġigħ u inċertezza.

Filwaqt li saħaq li l-Qorti għandha titħalla tagħmel xogħolha biex tasal għall-verità kollha, insista li ġudizzji personali bħalissa "ikunu azzardata u flok jgħinu jistgħu jxekklu t-tiftix tal-verità."

Madanakollu insista li bħala ragħaj, ħass li kellu jitkellem u jwassal messaġġ lid-Djoċesi. Fakkar fil-misteru tal-Għid li l-Knisja qed tħejji lilha nnifisha biex tgħix u saħaq li "minn din it-tbatija u l-mewt, Alla jrid jagħtina qawmien u ħajja ġdida."

Insista li hemm ħafna saċerdoti u reliġjużi li jgħixu l-ħajja u l-missjoni tagħhom b'fedeltà. Madanakollu, kompla l-Isqof, hemm oħrajn li jispiċċaw jabbużaw minn persuni vulnerabbli.

"Bħala saċerdot u ragħaj, b'qalb muġugħa, nitlob maħfra lil dawk fostkom li xi darba jew oħra batew abbużi ta' kull xorta fil-kuntest tal-Knisja. Lilhom u lill-familjari tagħhom," kompla l-Isqof Teuma.

Irrefera għal kliem il-Papa Franġisku u saħaq li l-ebda abbuż ma għandu jiġi ttollerat, inqas u inqas fil-Knisja. "Ħażin għalih min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin, qalilna Ġesu," kompla l-Isqof waqt li ħeġġeġ lil dawk kollha li jafu b'xi każi ta' abbuż, biex ikellmu lill-Pulizija u jekk dan sar fil-Knisja, għandu jsir rapport ukoll lill-Kummissjoni għall-Ħarsien tal-Vulnerabbli.

L-Isqof saħaq li filwaqt li l-ġustizzja hija pass lejn il-fejqan ta' dawk li jsofru abbuż, l-istess proċess ta' fejqan jitlob lil dawk il-persuni biex ifittxu għajnuna u anke appoġġ psikoloġiku.

Għal dan il-għan ġie mniedi helpline biex il-vittmi u l-familji tagħhom isibu l-appoġġ kollu li għandhom bżonn.

Qal li s-Safeguarding of Minors in Gozo, fi ħdan id-Djoċesi, qed tagħmel xogħol siewi ħafna, anke permezz ta' kors u inizjattivi oħra. Fost oħrajn, qed jitħejja programm ta' formazzjoni u edukazzjoni lit-tfal biex jagħrfu jindunaw minn qabel u jiddefendu lilhom infushom kmieni minn każi simili.

L-Isqof qal li każi bħal dawn, iqajmu ħafna mistoqsijiet fosthom jekk ġenituri għandhomx jafdaw lil uliedhom ma' membri tal-kleru.

"Jiena ċert li f'din is-sitwazzjoni Alla jrid li aħna s-saċerdoti u operaturi pastorali, nieħdu aktar b'serjetà il-formazzjoni kontinwa tagħna," kompla l-Isqof Teuma.

"Diġà f’dawn l-aħħar xhur, il-Kummissjoni Djoċesana għall-Kleru ħadet ħsieb tħejji programm ta’ formazzjoni kontinwa biex aħna s-saċerdoti nkomplu nikbru umanament, spiritwalment u pastoralment. Barra minn hekk, bl-għajnuna tas-Safeguarding of Minors – Gozo qed jiġu fformulati policies ċari biex il-familji li jibagħtu lil uliedhom fl-inizjattivi ekkleżjali jkunu jistgħu jserrħu aktar moħħhom, kemm mill-ambjenti fejn imorru u kemm mill-persuni," kompla jispjega.

Filwaqt li qal li jifhem ir-rabja ta' bosta, insista li kwalunkwe persuna, għandha tibqa' tiġi rrispettata, anke dawk li jabbużaw għax fi kliemu, "Alla jrid li kulħadd isalva."

"Aktar u aktar jekk niftakru li persuni li jwettqu abbuż kienu huma stess vittmi ta' abbuż fil-passat," kompla l-Isqof. "Min jabbuża għandu dmir li jħallas għall-għemil tiegħu imma għandu wkoll id-dritt li jingħata l-appoġġ meħtieġ biex jidħol fi proċess ta' fejqan."

Fid-dawl ta' dan, staqsa jekk l-ossessjoni tal-pubblikazzjoni tas-seduti tal-Qorti, huwiex verament ta' ġid anke għall-vittmi u l-familji tagħhom.

Bħal kull bniedem, anki min jabbuża għandu d-dmir li jħallas għall-għemil ħażin li għamel, imma għandu wkoll id-dritt li jingħatalu s-sapport meħtieġ biex jidħol fi proċess ta’ konverżjoni u fejqan

"Min jaf ikunx aħjar jekk f’każi simili, l-awtorità assoluta tal-Qorti u l-manija li kollox u dejjem għandu jiġi kkomunikat fil-midja, jiġu ggwidati mill-esperjenza tax-xjenzi psikoloġiċi, biex tiġi mħarsa l-ewwel u qabel kollox l-integrità tal-persuna umana?" staqsa.

Temm b'apepll lill-ġenituri u appellalhom biex jibqgħu jieħdu ħsieb dejjem lil uliedhom. 

"Dik l-istess ħeġġa u mħabba tal-bidu komplu ħaddmuha magħhom sakemm jibqgħu jgħixu taħt is-saqaf ta’ darkom. Stinkaw biex ikollkom relazzjoni tajba magħhom. Agħmlu l-ħin, oħolqu klima ta’ akkoljenza mingħajr kundizzjoni, u ibnu komunikazzjoni tajba magħhom," kompla l-Isqof.

"Inwegħedkom li l-Knisja fid-Djoċesi tagħna ser tkompli timpenja ruħha b’aktar qawwa biex kull tifel u tifla li jgħixu fil-gżira tagħna jista’ jkollhom esperjenza pożittiva li tgħinhom jikbru u jiżviluppaw fi bnedmin u Nsara maturi," temm jgħid l-Isqof Teuma.

More in Politika