L-infermiera mhux jingħataw dettalji dwar min ikun sejjer għal vaċċin; Paul Pace jikkonferma

Il-President tal-MUMN jisħaq li dan qed iwassal għal nuqqas ta' trasparenza u anke drabi fejn l-infermiera qed jispiċċaw b'dożi żejda tal-vaċċin

Il-President tal-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), Paul Pace, ikkonferma mas-sit illum.com.mt li infermiera fiċ-ċentri tas-saħħa mhux qed jingħataw il-lista bl-ismijiet tal-persuni li jkunu se jmorru għall-vaċċin, sitwazzjoni li fi kliemu qed twassal għal nuqqas ta' trasparenza u anke nuqqas ta' ppjanar.

Dan is-sit tkellem ma' Pace wara informazzjoni li kiseb minn xi infermiera fiċ-ċentri tas-saħħa li lmentaw li din is-sitwazzjoni ilha għaddejja ġimgħa.

Pace ikkonferma dan kollu u saħaq li l-MUMN ġibdet l-attenzjoni diversi drabi anke għax f'Mater Dei din il-lista għadha qed tinħareġ.

Mistoqsi jispjega x'qed jiġri eżatt, Pace saħaq li qabel l-infermiera fiċ-ċentri tas-saħħa kienu qed jirċievu karta bid-dettalji ta' min ikun se jmur għall-vaċċin.

Għalhekk ġieli kienu jċemplu biex jikkonfermaw mal-istess persuni u kienu jkunu jafu wkoll l-ammont ta' persuni li kellhom jistennew.

Madanakollu, mill-Ġimgħa li għadda, kienu qed jirċievu biss id-dożi tal-vaċċini u l-ebda karta magħha. 

"L-infermiera ma jistgħux jippjanaw u lanqas jikkonfermaw min ġej jew le għall-vaċċin," insista Pace.

L-infermiera qed ikollhom sempliċiment jistennew u jagħtu l-vaċċin lil min jiġi bil-karta, iżda ma jistgħux jikkontrollaw kif kienu jagħmlu qabel.

"Hemm nuqqas ta' trasparenza," insista Pace waqt li spjega wkoll li minħabba dan in-nuqqas ta' ppjanar, fl-aħħar tal-ġurnata l-infermiera ġieli qed jispiċċaw b'diversi dożi żejda.

Mistoqsi x'qed jiġri b'dawn id-dożi żejda, Pace qal li ġieli qed ikun hemm ċirkostanzi fejn l-infermiera saħansitra qed jgħidu lill-pazjenti li jkunu marru jieħdu l-vaċċin biex iċemplu lill-qraba tagħhom.

Temm jisħaq li ilhom diversi jiem jiġbru l-attenzjoni dwar dan iżda sa issa ma sar xejn.

More in Politika