Flimkien għal Ambjent Aħjar toġġezzjona għal binja ta' ħames sulari ħdejn il-Ġgantija

L-organizzazjoni qalet li l-iżvilupp se jkollu impatt negattiv irriversibbli fuq il-wirt kulturali

L-organizzazjoni mhux governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) qed toġġezzjona għall-applikazzjoni ta' żvilupp ta' 31 appartament fi blokka ta’ ħames sulari li ġiet proposta fix-Xagħra, Għawdex. L-organizzazzjoni qalet li l-iżvilupp se jkollu impatt negattiv irriversibbli fuq il-wirt kulturali billi jissostitwixxi l-bini eżistenti bi struttura li "hija totalment inkonsistenti fl-istil” mal-inħawi filwaqt li jeqred għalqa agrikola.

Il-proprjetà inkwistjoni ilha mibnija iktar minn seklu u tinkludi karatteristiċi strutturali tradizzjonali inkluż arkati u soqfa oriġinali mibnija fuq travi. Din il-proprjetà qegħda f'Triq Parsott, 150 metru 'l bogħod mid-daħla tat-tempji.  Dan hu sit ta' importanza arkeoloġika li jdawwar is-sit tat-tempju megalitiku tal-Ġgantija u huwa meqjus bħala sit protett mill-UNESCO.

L-Awtorità tal-Ipjannar diġà rċeviet aktar minn 40 oġġezzjoni għal din l-applikazzjoni.

 

More in Politika