Il-MAPHM titlob li jitwaqqfu l-attivitajiet rikreazzjonali kollha għalissa u li jsir aktar xogħol mid-dar

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina Pubblika (MAPHM) issejjaħ għal miżuri biex ma jiżdidux aktar il-każi ta' Covid-19

Aktar talbiet għal żieda fir-restrizzjonijiet
Aktar talbiet għal żieda fir-restrizzjonijiet

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina Pubblika (MAPHM) qed issejjaħ għal restrizzjonijiet ġodda f'dak li jirrigwarda Covid-19 u dan fid-dawl ta' numri għoljin ta' każi ġodda lbieraħ, minkejja li l-programm tal-vaċċinazzjoni għaddej b'rittmu mgħaġġel ukoll b'aktar minn 80,000 persuna tieħu l-ewwel doża sa issa. 

Il-MAPHM qalet illi żieda fil-miżuri restrittivi għandha tkun immedjata u tfakkar li l-Isptar huwa mimli sa ruħ ommu, bi ftit biss sodod disponibbli fl-ITU.  "Pajjiżi oħrajn marru għal lockdown b'rati ferm aktar baxxi ta' infezzjonijiet. M'aħniex qed nitolbu għal lockdown sħiħ imma għal miżuri biex jonqsu n-numri," qalet l-istqarrija. L-Assoċjazzjoni qalet illi daqs kemm tifhem kemm iweġġgħu miżuri simili s-sitwazzjoni preżenti hekk titlob. 

Il-MAPHM tammetti li din il-pandemija issa qed tħalli l-effetti negattivi tagħha fuq ħafna nies, b'mod dirett u indirett ukoll, "iżda sabiex nibqgħu niġġieledu din il-pandemija u skont l-evidenza xjentifika hemm bżonn nibqgħu niġġieldu inkella s-sagrifiċċji li saru se jkunu ta' xejn." 

Apparti li jieqfu l-attivitajiet kollha li mhumiex essenzjali, bħal attivitajiet rikreazzjonali dawk li jistgħu jaħdmu mid-dar għandhom jagħmlu dan, issostni l-MAPHM.  

More in Politika