Il-bars u l-każini se jibqgħu magħluqa iżda se jonqsu r-restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani

Ir-ristoranti se jibdew jagħlqu f'nofsilejl minflok fil-11pm

Il-bars u l-każini tal-banda se jkunu qed jibqgħu magħluqa matul ix-xahar ta' Marzu iżda mistennija li jitnaqqsu xi miżuri fid-djar tal-anzjani minħabba s-suċċess tal-vaċċin.

Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet, li fiha saħaq ukoll li r-ristoranti se jibdew jagħlqu f'nofsilejl minflok fil-11pm.

Fearne żvela wkoll kif il-vaċċin tal-AstraZeneca issa se tkun qed tingħata wkoll lil dawk li għandhom bejn 55 u 65 sena. Sa issa din ma kinitx qed tingħata lil dawk li għandhom aktar minn 55 sena, iżda studji u pariri ulterjuri wrew li tista' tingħata anke lil dawk li għandhom sa 65 sena.

Apparti minn hekk, mill-ġimgħa d-dieħla, dawk li għandhom bejn 75 u 80 sena wkoll se jibdew jirċievu l-appuntamenti biex jieħdu l-vaċċin kontra l-Covid-19.

X'qal Fearne dwar id-djar tal-anzjani?

Il-Ministru Fearne qal ukoll li ħadd minn dawk il-persuni li rċevew iż-żewġ dożi tal-vaċċin ma kellhom bżonn jiddaħħlu l-isptar u għalhekk hemm biżżejjed kunfidenza biex jonqsu xi ftit ir-restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani.

Il-miżuri se jonqsu f'dawk id-djar fejn aktar minn 90% tar-residenti ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin. Jidher li f'dawn id-djar, se tkun tista' titneħħa l-perspex li ilha xhur tifred lill-anzjani minn mal-qraba.

Għaliex qed jiżdiedu l-każi?

Fearne qal ukoll li hemm diversi raġunijiet għaliex żdiedu l-każi fl-aħħar jiem. Insista li r-raġuni prinċipali hija li issa qed ikunu inklużi wkoll ir-riżultati mir-rapid tests, li sa issa ma kinux qed ikunu inklużi qabel ma jsir swab test normali biex jikkonferma r-riżultat. 

Insista li 15% tal-każi ġodda fl-aħħar ġimgħa nqabdu mir-rapid tests. 

Qal ukoll li l-każi qed jiżdiedu għax diversi persuni mhux qed isegwu biżżejjed il-miżuri tad-distanza soċjali. 

Apparti minn hekk hemm ukoll il-varjant Ingliż tal-Covid-19 li jammonta għal 8% tal-każi l-ġodda f'Malta fl-aħħar ġimgħa.

More in Politika