'Il-PM kellu jibqa' bil-maskra huwa u jwieġeb lill-ġurnalisti iżda ma kisirx l-etika'

Dwar il-fatt li Abela kien neħħa l-maskra kien sar ilment quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika 

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkluda li l-Prim Ministru Dr Robert Abela ma kisirx l-etika meta kien qed wieġeb domandi tal-ġurnalisti mingħajr ma kien liebes maskra.

Dan il-każ seħħ fit-23 ta’ Ottubru 2020, meta l-Prim Ministru inawgura l-mini l-ġodda tat-traffiku f’Santa Luċija.

Ftit wara li ntemmet l-inawgurazzjoni, diversi ġurnalisti avviċinaw il-Prim Ministru biex jistaqsuh xi domandi. Dr Abela kien liebes maskra iżda neħħieha biex iwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti.

Minħabba f’hekk sar ilment mal-Kummissarju dwar il-każ mill-Istitut għall-Ġurnalisti Maltin.

Il-Kummissarju George Hyzler saħaq li kien ironiku li l-Prim Ministru neħħa l-maskra biex iwieġeb domanda proprju dwar l-użu tal-maskri, iżda dan fih innifsu jindika li l-każ seħħ minħabba nuqqas ta’ ħsieb u mhux għax il-Prim Ministru ried b’xi mod jisfida r-regolamenti.

"Skont avviż legali li kien ħareġ il-Ministeru għas-Saħħa ftit ġranet qabel, diskors uffiċjali fil-pubbliku seta’ jsir mingħajr maskra, basta l-kelliem iżomm distanza ta’ mill-inqas żewġ metri minn ħaddieħor. F’dan il-każ kien hemm inqas distanza bejn il-Prim Ministru u l-ġurnalisti," saħaq il-Kummissarju.

Ikkonkluda li fiċ-ċirkostanzi l-Prim Ministru messu għażel li jibqa’ bil-maskra minkejja li dan kien jagħmilha aktar diffiċli għalih li jinftiehem, madanakollu insista li din m’għandhiex twassal għal kundanna ta’ ksur ta’ etika. 

Fid-dawl ta’ dan il-Kummissarju ma laqax l-ilment.

Il-Kummissarju qal li f’ċirkostanzi bħal dawn ikun għaqli li l-istaff tal-Prim Ministru jitlob lill-ġurnalisti jersqu lura, u li l-Prim Ministru ma jweġibx qabel ma l-ġurnalisti jżommu d-distanza ta’ żewġ metri.

Min-naħa tagħhom il-ġurnalisti għandhom iżommu d-distanza mitluba u għalhekk huwa rakkomandabbli li jużaw mikrofoni bil-lasta, itemm jgħid ir-rapport.

More in Politika