Filmat | Kontijiet orħos, it-tieni interconnector u enerġija ġġenerata mir-riħ - Il-PN jipproponi

Bernard Grech jisħaq li t-tir tal-Partit Nazzjonalista huwa li jilħaq miri ambizzjużi fl-enerġija nadifa li jħallu mhux biss aktar flus fil-bwiet tan-nies imma anke arja aktar nadifa

Kontijiet orħos, aktar effiċjenza fl-enerġija, alternattiva fit-tul għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, trasformazzjoni lejn trasport elettriku, it-tieni interconnector mal-Ewropa u enerġija ġġenerata mir-riħ. 

Dawn huma s-sitt pilastri tal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għas-settur tal-enerġia li ġew ippreżentanti dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Foss tal-Imdina, indirizzata mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus.

Fil-bidu tal-konferenza, il-Kap Nazzjonalista fakkar fiż-żewġ proposti li ppreżenta fl-aħħar ġimgħat u li jikkumplimentaw tnejn minn dawn il-pilastri.

Fil-fatt, il-Partit Nazzjonalista diġà ppropona li torħos it-tariffa ta’ matul il-lejl għal dawk li jiċċarġjaw il-karozza elettrika tagħhom. Grech qed jipproponi li jraħħas it-tariffa ta’ matul il-lejl għal karozzi minn 13ċ għal 10ċ5, traħħis ta’ 20%.

Fi kliemu din se tkun proposta li se tħalli aktar flus fil-bwiet tal-familji u tħajjar aktar nies jixtru karozza li taħdem bl-elettriku.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li dawk li għandhom il-pannelli, l-ammont li jħallsu għal kull unit iġġenerat minnhom, ikun l-istess prezz li tiċċarġja l-Arms għall-units li wieħed jieħu mingħandha.

Dan fi kliem Grech, iżid bi 30% id-dħul mill-investiment li jkunu għamlu l-familji. 

Insista li t-tir tal-Partit Nazzjonalista huwa li jilħaq miri ambizzjużi fl-enerġija nadifa, għax fi kliemu dan mhux biss iħalli aktar flus fil-bwiet tal-familji u n-negozji, imma anke jkun qed itejjeb l-arja u jnaqqas mard ikkawżat mit-tniġġis, inkluż dak respiratorju.

“Dak li qed nippreżentaw illum mhijiex il-konklużjoni, imma l-bidu ta’ mixja frott il-ħidma li għamilna flimkien ma’ numru ta’ esperti,” insista Grech waqt li saħaq li l-Partit Nazzjonalista qed iniedi proċess ta’ konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti, l-imsieħba soċjali, esperti u ma’ dawk kollha li għandhom interess, anke fil-futur tal-enerġija

Enerġija ġġenerata mir-riħ

Fost l-aktar punti interessanti li ppreżenta u spjega l-kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus hemm dik dwar l-enerġija ġġenerata mir-riħ.

“L-indikazzjonijiet qed juru li sar avvanz kbir f’dan is-settur,” saħaq Callus.

Fil-fatt, insista li dawk magħrufa bħala offshore wind turbines (turbini tar-riħ li jkunu nstallati fil-baħar fond) qed jilħqu l-maturità kummerċjali tagħhom u se jkunu jistgħu jikkompetu ma’ sorsi oħra, inkluż mat-turbini tal-gass f’dellimara.

Insista li Malta għandha vantaġġ li minkejja li hija gżira żgħira għandha baħar “infinit.”

“Jekk jiġu installati f’pajjiżna se noħolqu l-green jobs f’Malta u mhux fil-Montenegro kif għamel Gvern Laburista,” insista Callus.

Saħaq li dawn it-turbini jiġu installati f’fond ta’ 200 jew 300 metru u wera mappa li turi l-postijiet kollha fejn dawn jistgħu jiġu installati. Qal li dawn iż-żoni fejn jistgħu jiġu nstallati huma madwar 20 kilometru ‘l barra mill-kosta u għalhekk ikun qed jonqos ukoll l-impatt viżiv.

Spjega kif dawn ġew installati mill-Iskozja fejn qed jiġġeneraw enerġija għal 20,000 dar u anke fil-Portugal fejn qed jiġġeneraw biżżejjed enerġija għal 60,000 dar.

It-tieni interconnector mal-Ewropa 

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li Malta jkollha t-tieni interconnector fl-Ewropa.

Insista li dan l-investiment, li kien wettaq Gvern Nazzjonalista, kien renda.

“Jeżistu fondi għal dan,” insista Ryan Callus u saħaq li wieħed għandu jesplora l-possibbilità li jqabbad ma’ post ieħor, fl-Italja stess, biex jonqos ir-riskju u hekk Malta jkollha żewġ sorsi indipendenti. 

Trasformazzjoni lejn trasport elettriku

Waqt li rrefera għall-proposta li għamel il-Kap Nazzjonalista (ara aktar ‘il fuq), il-kelliem tal-Oppożizzjoni insista li Gvern Nazzjonalista se jinvesti aktar f’dan is-settur.

Irrefera għal rapport tal-Kummissjoni Ewropea u saħaq li jekk ikun hawn 100,000 karozza li taħdem bl-elettriku, irid ikollok 10% ta’ dak l-ammont f’charging pilars.

Insista li l-aħħar charging pilars li ġew installati f’Malta saru fl-2014 u kien proġett li kien ħadem fuqu Gvern Nazzjonalista.

Enerġija fuq l-orħos sors

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll fuq kontijiet orħos għall-familji. 

“Nassiguraw li kull kuntratt li l-Gvern jidħol fih se jnaqqas il-kontijiet tad-dawl,” insista Callus.

Fakkar kif bħalissa, l-Oppożizzjoni qed tanalizza l-kuntratt tal-Gvern mal-Electogas.

“Se naraw li kull possibbilità legali li teżisti tkun indirizzata,” saħaq Callus waqt li insista li r-rabta għal 18- il sena, biex il-Gvern jixtri mingħand l-Electogas, hija mażra għall-pajjiż.

Fakkar li l-Electogas mhuwiex l-orħos sors.

Irrefera wkoll għal dawk li sejħilhom anomaliji fil-mod kif qed jinħadmu l-kontijiet tal-enerġija mill-Arms. Fakkar li f’eżerċizzju li kien għamel il-PN kien sab żball f’1,400 kont li jvarjaw minn ftit ċenteżmi għal mijiet ta’ ewro.

“Din l-inġustizzja għadha ssir,” insista Callus.

Effiċjenza fl-enerġija

Callus tkellem ukoll dwar l-effiċjenza fl-enerġija u saħaq li hemm bżonn bidla fil-kultura biex tnaqqas id-domanda għall-enerġija, għax jekk dan iseħħ, se jorħsu mhux biss il-kontijiet, imma anke jonqsu l-emmissjonijiet tal-gassijiet serra.

“Gvern Nazzjonalista jżid skemi biex jinċentiva dan,” saħaq Callus waqt li rrefera fost oħrajn għall-għajnuna biex familji jinvestu f’heat pumps.

Fl-iskema preżenti l-għajnuna offruta mhijiex biżżejjed u għalhekk il-familji ma marrux għaliha,” insista Callus.

Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech
Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech

Irrefera wkoll għal Energy Perfomance Certificate li llum sar parti essenzjali mill-permess biex wieħed jibni.

Insista kif filwaqt li dan qed isir mhux qed iwassal għal bidliet aktar sostenibbli.

“Dawn l-EPCs irid ikollhom aktar obbligi,” saħaq Callus.

Qal li l-PN iwettaq ukoll investiment fid-distribuzzjoni tal-enerġija fil-lokalitajiet.

Alternattiva fit-tul għall-ġenerazzjoni tal-eneġrija

Ryan Callus spjega wkoll kif il-Gvern tilef madwar €400 miljun f’fondi Ewropej għas-settur tal-enerġija.

Qal li l-PN jerġa’ jqajjem mill-ġdid din l-applikazzjoni.

Wiegħed ukoll li Gvern Nazzjonalista jidentifika soluzzjonijiet għal bjut domestiċi fid-dell li ma jistgħux jinvestu f’enerġija rinovabbli.

'Ideat riċikali u oħrajn qed iseħħu' - Reazzjoni Partit Laburista

Intant, f'reazzjoni, il-Partit Laburista saħaq li dak li preżenta l-Kap tal-Oppożizzjoni dalgħodu dwar l-enerġija huwa kollezzjoni ta’ ideat, uħud riċiklati u oħrajn qegħdin iseħħu.

"Mhux sorpriża li l-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ jitkellem meta lanqas biss għandu pjan. Huwa ċar li l-Oppożizzjoni ma jafx kif jaħdmu l-iktar elementi bażiċi fis-settur u qal illi għadu se jikkonsulta," insistiet l-istqarrija.

Insista li l-Gvern ilu jikkonsulta u wettaq u fi żmien li ġej se jkompli jwettaq.

"Il-Gvern għandu l-kredibbiltà fil-qasam tal-enerġija għax raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, lesta l-interconnector u neħħa l-heavy fuel oil. Min-naħa l-oħra l-Oppożizzjoni illum reġgħet uriet illi ma għandiex kredibbiltà biex titkellem dwar is-suġġett," temmet tgħid l-istqarrija

More in Politika