Il-PN jisħaq li s-salvazzjoni tal-Air Malta trid tkun prijorità nazzjonali u trattata b’urġenza

Fi stqarrija l-PN qal li lest li jappoġġja pjan serju għas-salvazzjoni tal-Air Malta

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern għandu jieqaf minnufih jagħmel mill-Air Malta ballun politiku u t-tfittxija għas-soluzzjoni trid tmur lil hinn mir-retorika politika. Appella biex is-salvazzjoni tal-Air Malta tkun prijorità nazzjonali u tkun trattata b’urġenza.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista għamel referenza għall-istorja esklussiva tal-gazzetta ILLUM, jiġifieri li l-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta qed tagħmel telf operazzjonali enormi ta' xejn inqas minn €170,000 kuljum.  

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal mal-ILLUM li biex l-UE tagħti permess li jingħataw dawn il-miljuni, il-pjan 'il quddiem irid ikun "onest u kredibbli". Bi tweġiba għal dan, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mario de Marco saħaq li l-kredibbiltà u l-onestà ma kinux il-ħaddiema tal-Air Malta li kissruha. 

“Il-kredibbiltà u l-onestà ma kienx il-poplu Malti li tefagħha l-baħar. Żgur li mhux tort tal-Partit Nazzjonalista li f’dawn l-aħħar snin l-awtoritajiet u istituzzjonijiet f’pajjiżna ma baqgħux kredibbli. Huwa biss tort tal-Gvern Laburista, li r-reputazzjoni u l-kredibbiltà ta’ pajjiżna marret il-baħar,” insista de Marco.

Kien hawn li appella lill-Gvern biex jieqaf minnufih milli jagħmel mill-Air Malta ballun politiku u insista li kulħadd għandu dmir li jqiegħed s-salvazzjoni tal-Air Malta bħala prijorità nazzjonali u li trid tiġi trattata b’urġenza.

“Ilkoll nafu li l-industrija tat-turiżmu hija kontributur ewlieni fit-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u li l-aċċessibbiltà lejn pajjiżna hija ċ-ċavetta għas-suċċess fit-turiżmu. Għalhekk għandna dmir lejn il-ħaddiema kollha tal-Air Malta u tal-eluf oħra ta’ ħaddiema li jafu l-għixien tagħhom b’mod dirett jew indirett għat-turiżmu,” insista l-kelliem.

Saħaq li l-Partit Nazzjonalista lest li jappoġġja pjan serju għas-salvazzjoni tal-Air Malta li jrid jiġi sottomess lill-Kummissjoni Ewropea għall-approvazzjoni ta’ għajnuna statali hekk kif ġew approvati għajnuniet għal-linji tal-ajru nazzjonali oħrajn. 

“Il-Partit Nazzjonalista jrid li dan isir b’sens ta’ responsabbiltà lejn il-ħaddiema nvoluti, inkluż il-bdoti li kienu ġew imkeċċija inġustament u b’urġenza,” temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika