'In-nuqqas ta' azzjoni mill-PM fil-konfront ta' Rosianne Cutajar qed iwassal għal iktar impunità' - PN

Ilbieraħ, The Sunday Times of Malta rrapportat kif Cutajar, allegatament daħlet fil-but €9,000 mingħand Yorgen Fenech

Il-Partit Nazzjonalista qal li meta l-Prim Ministru Robert Abela qed jibqa’ ma jiħux azzjoni fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar, qed jibqa’ jippermetti u jaċċetta nuqqas kbir ta’ standard etiku minn membru tal-Kabinett.

“Dan qed iwassal għal iktar impunità, li tmur kontra l-interess pubbliku,” insista l-Partit Nazzjonalista.

Ilbieraħ, The Sunday Times of Malta rrapportat kif Cutajar, allegatament daħlet fil-but €9,000 mingħand Yorgen Fenech bħala parti minn ftehim għax-xiri ta’ proprjetà fl-Imdina għal €3.1 miljun.

Dan, allegatament, seħħ tliet xhur biss qabel Fenech ġie arrestat b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

F’Diċembru li għadda, il-gazzetta MaltaToday kienet irrapportat kif l-istess Cutajar ħadet madwar €50,000 oħra f’senserija mingħand is-sid ta’ din l-istess proprjetà.

Il-Kummissarju għall-Istandards, George Hyzler, qed jinvestiga dan il-każ.

“Il-Partit Nazzjonalista għalhekk għal darb’oħra jappella lil Robert Abela sabiex jagħżel l-interess nazzjonali u biex jaġixxi biex jirranġa l-ħsara kbira li diġà ġiet ikkawżata lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna,” insistiet l-istqarrija.

More in Politika