'Studji juru li jeħtieġ jonqos it-traffiku f'postijiet bħal Furjana, Imsida u Raħal Ġdid' - ADPD

Carmel Cacopardo jgħid li minħabba l-kwalità ħażina tal-arja r-residenti u min jaħdem f'dawn il-lokalitajiet qed ibati l-konsegwenzi ...

Iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo waqt konferenza tal-aħbarijiet sostna illi l-ERA għandha riżultati minn kampjuni tal-arja li juru illi fl-Imsida qed jinqabżu l-limiti permissibbli ta’ partiċelli perikolużi fl-arja.  Dan filwaqt li fakkar illi studji pubbliċi juru wkoll li għandha tittieħed azzjoni immedjata biex jonqos it-traffiku drastikament fil-Pietà, partijiet mill-Furjana, l-Imsida, il-Marsa, il-Ħamrun, Ħal Qormi, Ħal Luqa u Raħal Ġdid.

"In-nies li joqgħodu u jaħdmu f’dawn l-inħawi qed ikollhom saħħithom mhedda minħabba kwalità ħażina tal-arja," sostna Cacopardo f'reazzjoni għal pjan li qed iħejju l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar dwar il-kwalità tal-arja skont kif titlob id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja Ambjentali.

Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD Ralph Cassar esprima t-tama tal-partit li l-pjan il-ġdid jkun fih miżuri effettivi li jitwettqu.  "Filwaqt skont l-ERA u l-Gvern il-pjan dwar il-kwalità tal-arja se jiffoka prinċipalment fuq is-settur tat-trasport peress li parti kbira mit-tniġġis ġej mit-trasport, nittamaw li l-pjan ikun effettiv , jaqbad il-barri minn qrunu u li fl-aħħar mill-aħħar il-Gvern jimplimenta l-pjan sew u kif suppost," sostna Cassar. 

Huwa fakkar kif minkejja ħafna ftaħir Gvern Nazzjonalista ta’ qabel l-2013 kien irrifjuta li jimplimenta Low Emission Zone fl-Imsida, liema proposta kienet saret lill-kabinett mill-MEPA.  "Il-Gvern Laburista ta’ Muscat ukoll kien jiftaħar li ma riedx jikkontrolla t-tniġġis mit-trasport, u sal-lum Ian Borg qed jimplimenta politika dwar it-trasport skaduta, megħjun u mħeġġeġ mill-inġinier-gaffa ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi."

More in Politika