Cacopardo jfakkar li l-UE qalet illi l-paga minima trid tiżdied b'€71 fil-ġimgħa biex tkun diċenti

Iċ-Chairperson tal-ADPD jisħaq illi kif inhi kkalkulata f’Malta, il-paga minima mhiex adegwata biex min jiddependi minnha jgħix ħajja dicenti. 

Carmel Cacopardo (Arkivji)
Carmel Cacopardo (Arkivji)

Waqt konferenza tal-ADPD fi Pjazza Kastilja l-Belt Valletta, iċ-Chairperson Carmel Cacopardo għamel aċċenn għar-rapport tal-Caritas kif ukoll l-assessjar tal-impatt maħruġ mill-Unjoni Ewropea dwar id-dħul bażiku u l-paga minima.  Cacopardo fakkar li kkalukulat fuq kemm kienet il-paga minima fl-2019 l-UE waslet għal konklużjonijiet simili tal-istudju tal-Caritas għax jindika l-ħtieġa ta’ żieda ta’ €71 fil-ġimgħa fil-paga minima f’Malta biex din tkun addattata għal għixien diċenti.

Cacopardo saħaq li kif inhi kkalkulata f’Malta, il-paga minima mhiex adegwata biex min jiddependi minnha jgħix ħajja dicenti.

"Huwa meħtieġ li l-pajjiż iħares lill-uliedu kollha f’kull ħin, in partikolari billi jassigura li jkollhom dħul minimu li jista’ jassigura għixien dinjituż, għixien diċenti," saħaq Cacopardo li kompla jgħid illi l-pubblikazzjoni tat-tielet rapport tal-Caritas ilbieraħ, "ikompli jsaħħaħ il-fehma li hemm nuqqasijiet fil-mod kif qed tinħadem il-paga minima f’Malta. Nuqqasijiet li qed jerfgħuhom l-iktar il-familji vulnerabbli."

Iċ-Chairperson tal-ADPD għamel referenza għad-direttiva Ewropea biex ikun hemm mod uniformi fl-Unjoni kollha dwar kif tinħadem il-paga minima.

"Skont id-dokumenti ppubblikati mad-Direttiva proposta fil-maġġoranza tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li għandhom paga minima nazzjonali, din il-paga minima hi baxxa wisq meta pparagunat ma’ pagi oħra. M’hiex biżżejjed għal għixien diċenti avolja kien hemm żieda fis-snin riċenti," spjega Carmel Cacopardo.  Hu jfakkar li fl-istudju dwar l-impatti ta’ din il-miżura proposta hu spejgat li żieda fil-paga minima skond il-kriterji tad-Direttiva deskritti bħala “double decency threshold” (60% tal-paga medjana u 50% tal-paga medja) ittejjeb il-pagi ta’ madwar 25 miljun ħaddiem fl-Ewropa.

Huwa temm jgħid illi l-ADPD tħoss li d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li l-Gvern lest li jikkunsidra bis-serjetà l-proposti tar-rapport tal-Caritas "jawgura tajjeb li anke f’Malta nagħmlu l-ewwel passi biex il-paga minima tkun waħda li tiffaċilità l-għixien diċenti ta’ kull min hu dipendenti minnha."

More in Politika