Mediċina ġdida kontra l-kanċer li tiswa' €3,000 kull xahar se tibda tingħata b'xejn

Fil-Jum Dinji Kontra l-Kanċer id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne iħabbar mediċina ġdida kontra l-kanċer għal fuq il-formolarju tal-Gvern

Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne sostna illi fl-aħħar tliet snin il-Gvern żied 12-il mediċina ġdida fil-formolarju u llum ħabbar mediċina ġdida oħra kontra l-kanċer, li tintuża kontra numru ta' kanċers avvanzati u li se tibda tingħata b'xejn ukoll.  Fearne spjega kif minkejja li huma madwar 10 persuni fis-sena li jkollhom bżonn din it-tip ta' mediċina, din tiswa' lill-pazjent mat-€3,000 fix-xahar b'uħud idumu jeħduha numru ta' xhur u f'xi każi saħansitra sena.

Il-Konferenza Fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, indirizzata wkoll mill-Ministru Carmelo Abela, saret hekk kif illum huwa l-Jum Dinji Kontra l-Kanċer, marda li serqet miljuni ta' ħajjiet - inkluż ta' eluf ta' Maltin u Għawdxin. 

Fearne fakkar fin-'Nurse Navigator', inizzjattiva oħra li introduċa l-Gvern fil-qasam.  Din l-inizzjattiva saret biex tgħin lill-pazjent jipprogramma appuntamenti li għaddew u dawk li jmiss, biex b'hekk jitnaqqsu dawk li jitilfu appuntamenti u trattamenti importanti.  Dan filwaqt li l-persuna - in-Nurse Navigator - tfiehem lin-nies x'qed isir u f'liema stadju wasal it-trattament. 

Fearne qal ukoll illi l-pajjiż irkupra f'dak li jirrigwarda l-iscreening tal-pazjenti wara li l-proċess waqa' lura minħabba li l-attenzjoni kienet kollha fuq il-pandemija tal-Covid-19.   "Ma ninsewx kemm hu importanti li din il-marda tkun trattata," qal Fearne li fakkar ukoll kif il-Gvern beda' sistema ġdida ta' Call Centre.  Permezz ta' dan iċ-ċentru pazjenti qed jiġu kkuntattjati wieħed, wieħed u dan sabiex ikun diskuss il-ħin u jkun aċċertat li l-persuna tħossha komda biex tagħmel l-appuntament għall-iscreening, u tegħleb ukoll il-biża'. 

Chris Fearne qal illi kien hemm irkupru qawwi fl-iscreening għall-kanċer tal-musrana, tal-għonq u tal-utru filwaqt li kien hemm titjib ukoll fl-iscreening għall-kanċer tas-sider, wara li għal xhur sħaħ l-attenzjoni tas-sistema tas-saħħa kienet kważi kollha fuq il-pandemija Covid-19.  Huwa qal illi grazzi għall-Call Centre żdiedu għal 71% dawk in-nisa li qed imorru għal appuntament biex jagħmlu screening ta' sidirhom. 

"Il-ġlieda kontra l-kanċer ma tiqafx u l-akbar benefiċċju għalina huma l-ħaddiema.  Kull min ikollu l-isfortuna li juża' dan l-Isptar , ikollu l-fortuna li jiltaqa' mal-ħaddiema," temm jgħid Fearne. 

 

More in Politika