L-MUMN tesprimi tħassib hekk kif mat-22% tal-infermiera barranin jaf jitilqu mis-servizz tas-Saħħa

Ħafna minn dawn qed jiġu meħuda mis-Servizz tas-Saħħa tar-Renju Unit - L-MUMN twassal l-ilmenti u x-xewqat ta' dawn l-infermera

"Numru sostanzjali ta' infermiera barranin qed jitilqu mill-pajjiż għad-detriment tal-qasam kollu tas-saħħa f'Malta u għalhekk qed nitolbu intervent sabiex din il-problema serja tkun indirizzata."  Hekk sostniet l-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) wara rapporti ta' influss ta' infermiera li qed jitilqu mill-pajjiż u jmorru jaħdmu r-Renju Unit.  The Times kienet irrapportat kif hawn eżodu ta' infermiera minn Malta b'madwar 140 infermier li diġa' rriżenjaw jew jinsabu fil-proċess ta' riżenja. 

Dan huwa madwar 22% tal-madwar 600 infermier barrani li jaħdem fis-sistema tas-saħħa Maltija.

Din ix-xejra bdiet fl-aħħar tas-sena l-oħra meta f'daqqa waħda bdew deħlin dversi applikazzjoni għal leave fit-tul bir-raġunijiet għal dan il-leave ikunu kwistjonijet ta' saħħa fost il-familja u kwistjonijiet ta' żwieġ. 

L-MUMN għalhekk wasslet petizzjoni li fiha l-infermiera barranin qed jitolbu li jitħaffu l-problemi relatati mal-proċess ta' rijunifikazzjoni u dħul.  Fil-fatt il-kwistjonijiet ewlenin li telenka l-MUMN huma: 

1 - Rijunifikazzjoni mal-familja hekk kif is-sieħeb u familja tal-infermiera qed isibuha diffiċli biex jiġu Malta, minkejja li xi infermiera ilhom jistennew bejn seba' xhur u sena.

2 - Il-kwistjoni l-oħra hija l-permessi ta' residenza u d-dewmien biex dawn joħorġu bil-konsegwenza li jagħmilha diffiċli biex urġenzi mediċi jkunu mogħtija fil-ħin

3 -  Ħafna tfal ta' infermiera qed jesperjenzaw dewmien fil-ħruġ tal-kards għall-permess tar-residenza 

4 - Meta l-permessi tax-xogħol jiġu mġedda huma jridu jmorru għal tests tad-demm u X rays kull sena u jingħataw il-permess li jagħmlu dawn it-testijiet biss fi kliniċi privati.  L-infermiera jgħidu li din hija inġusta u jfakkru li huma jħallsu it-taxxa u l-bolla kull xahar u jemmnu għalhekk li għandhom jitħallew jagħmlu dawn it-testijiet għand il-Gvern.  Ifakkru li qed iħallsu madwar €430 kull sena biex iġeddu l-permess tax-xogħol. 

5 - L-MUMN tgħid illi kellhom każ ta' infermier li pprova jikkuntattja lil Identity Malta diversi drabi bir-risposta dejjem tkun li l-permess tax-xogħol jinsab "fil-proċess" li joħroġ.  Dan sakemm tant damet l-istennija li ntbagħtet email lill-Prim Ministru, b'Identity Malta mbagħad tippubblika l-permessi.  Il-Unjin staqsiet għalfejn hemm bżonn li jiġi kkuntattjat il-Prim Ministru għal xi ħaġa bħal din. 

6 - Uħud minn dawn l-infermiera lanqas self mill-bank ma jistgħu jieħdu.

More in Politika