L-UE u l-Istati Uniti jerġgħu jibdew bil-ħidma tagħhom flimkien biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima

F'din il-laqgħa virtwali ħa sehem il-Ministru Evarist Bartolo li insista kif għandha tiġi fformulata strateġija komprensiva li tgħaqqad it-tkabbir ekonomiku, l-enerġija nadifa, u l-ġustizzja soċjali

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti reġgħu bdew il-ħidma tagħhom flimkien biex tkun indirizzata l-isfida globali tat-tibdil fil-klima.

F’laqgħa virtwali bejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u l-Mibgħut tal-President tal-Istati Uniti dwar il-Klima John Kerry, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej  Evarist Bartolo fisser l-inizjattiva bħala prova tanġibbli tat-tiġdid tad-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fuq dan il-qasam tant importanti.

Din il-laqgħa segwiet l-ordni eżekuttiva li ffirma l-President Joe Biden fil-jum tal-ħatra tiegħu, li permezz tagħha l-Istati Uniti se terġa’ tissieħeb fil-Ftehim ta’ Pariġ

Il-Ministri tal-Unjoni Ewropea qablu li mingħajr l-Istati Uniti bħala parteċipant attiv, l-għanijiet tal-klima li joħorġu mill-Ftehim ta’ Pariġi jew mill-Għanijiet tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti qatt ma jistgħu jintlaħqu.

Fil-fatt, issa li l-ambizzjonijiet ambjentali qed jiġu espressi mill-amministrazzjoni tal-President Biden, hija x-xewqa tal-istess Unjoni li taħdem mill-qrib mal-Istati Uniti għal tranżizzjoni soċjalment ġusta.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bartolo sostna li ż-żewġ naħat għandhom jaħdmu id f’id fit-tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni, u dan biex jintbagħat messaġġ ċar tal-impenn internazzjonali favur din il-mira globali.

Huwa enfasizza l-importanza li jitqiesu wkoll l-interessi tal-pajjiżi li jipproduċu ż-żejt u l-gass, fosthom dawk li huma konċentrati fir-reġjun MENA, biex ikun assigurat li dawn ma jikkrollawx b’riżultat ta’ dan il-proċess, u biex tassew ħadd ma jaqa’ lura.

Il-Ministru Bartolo kkonkluda li għandha tiġi fformulata strateġija komprensiva dwar il-klima għal wara li tgħaddi l-pandemija, liema strateġija tkun tgħaqqad it-tkabbir ekonomiku, l-enerġija nadifa, u l-ġustizzja soċjali.

More in Politika