Tidħol tisraq tliet anzjani flimkien mat-tifel tagħha ta' 13-il sena

Il-mara u t-tifel twaqqfu ftit wara u saret tfittxija fuqhom u fuq it-tifel instabu l-flus misruqa

Mara ta’ 45 sena ġiet arrestata wara li allegatament wettqet serqa fuq tliet anzjani, flimkien mat-tifel tagħha ta’ 13-il sena.

Ilbieraħ, għall-ħabta ta’ nofsinhar, intalbet l-għajnuna tal-Pulizija wara rapport li kienet qed issir serqa f’residenza fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra u mill-ewwel investigazzjonijiet li saru rriżulta li mara, li magħha kien hemm tifel minorenni, ħabtet il-bieb tad-dar u bdiet tittallab għal flus.

Waħda mill-anzjani li kien hemm fir-residenza, fetħet il-bieb u daħlet ġewwa biex iġib xi flus, imma l-mara daħħlet warajha, ħatfet ammont ta’ flus li kien hemm fuq il-medja u flimkien mat-tifel ħarbu jiġru.

Il-Pulizija tar-Rapid Intervnetion Unit (RIU) bdew mill-ewwel bit-tfittxija għalihom u nofs siegħa wara nnutaw żewġ persuni li kienu jaqblu mad-deskrizzjoni li taw il-vittmi.

Il-mara u t-tifel twaqqfu fi Triq l-10 ta’ Frar, San Pawl il-Baħar, saret tfittxija fuqhom u fuq it-tifel instabu l-flus misruqa.

Il-mara ġiet arrestata u mistennija titressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia.

More in Politika