Malta tibqa' fuq quddiem fit-tilqim kontra l-Covid-19; Din il-ġimgħa l-approvazzjoni tal-vaċċin ta' AstraZeneca

Jekk din il-ġimgħa, ikun approvat il-vaċċin ta' AstraZeneca, dan se jkun it-tielet vaċċin li jasal Malta

Dalgħodu, fuq Twitter, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li jinsab ħerqan hekk kif din il-ġimgħa, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina, mistennija tiddeċiedi dwar il-vaċċin ta' AstraZeneca.

Intant, Fearne ppubblika wkoll statistika li turi kemm qed ġew amministrati dożi tal-vaċċin għal kull 100 persuna fil-popolazzjoni. Malta għada fuq nett ta' din il-lista.

Jekk din il-ġimgħa, ikun approvat il-vaċċin ta' AstraZeneca, dan se jkun it-tielet vaċċin li jasal Malta.

Din tkun aħbar sabiħa għal Malta hekk kif għandha allokati miljun doża ta' dan il-vaċċin, biżżejjed biex tlaqqam 500,000 persuna.

Għall-kuntrarju tal-vaċċin ta' Pfizer, li jrid jinżamm f'temperatura ta' 70 grad taħt iż-żero, il-vaċċin ta' AstraZeneca huwa ħafna aktar faċli biex taħżnu hekk kif jista' jinżamm fi friġġ normali.

Fost oħrajn, il-vaċċin ta' AstraZeneca, li ġie żviluppat ukoll bil-kollaborazzjoni tal-Università ta' Oxford, diġà ilu ġimgħat jiġi amministrat ukoll fir-Renju Unit.

More in Politika