Filmat | 'Għandi kull fiduċja li l-PM u l-Gvern li se jieħdu l-aqwa deċiżjonijiet' - Muscat dwar il-ftehim ma' Steward

Muscat kien mistoqsi dwar id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u Steward biex dan il-ftehim kontroversjali jinbidel

Joseph Muscat
Joseph Muscat

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li għandu kull fiduċja li l-Prim Ministru u anke l-Gvern se jkunu qed jieħdu l-aqwa deċiżjonijiet "fiċ-ċirkostanzi ta' bħalissa," dwar il-ftehim ma' Steward Healthcare.

Muscat kien mistoqsi dwar dak żvelat ilbieraħ, hekk kif ħareġ mill-Qorti ftit wara li xehed u ddefenda l-kuntratt li l-Gvern kien iffirma mal-Vitals Global Healthcare għall-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa.

Ilbieraħ il-gazzetta MaltaToday żvelat li jinsabu fi stadju avvanzat id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u Steward biex dan il-ftehim jinbidel.

Fil-fatt jidher li l-Gvern qed jippjana biex jieħu lura f'idu l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, l-isptar Karin Grech u anke l-isptar San Luqa. Hu mifhum li l-ministri ġew murija d-dettalji ta' dan il-pjan u li effettivament se jfisser li l-isptarijiet jerġgħu jiġu f'idejn il-Gvern.

Madanakollu, skont ir-rapporti, il-Gvern jidher li qed jaqbel li Steward Healthcare, jibqgħu jimmaniġjaw l-isptarijiet u anke jkunu responsabbli miż-żamma tagħhom u t-tagħmir li jkun hemm bżonn.

Mistoqsi dwar dan u anke jekkifissirx li l-Gvern ma għadux jemmen fil-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, Muscat wieġeb biss li għandu fiduċja fil-Gvern u l-Prim Minstru.

"Għandi kull fiduċja fil-Prim Ministru u nawguralu l-isbaħ xewqat," wieġeb Muscat.

More in Politika