Il-Knisja tiddiżassoċja ruħha mill-Komunità Ġesù Salvatur; 'Komunità magħluqa u riġida li tikkaġuna ħsara lil bosta persuni'

Il-Knisja f'Malta u Għawdex qed toffri wkoll servizz ta’ appoġġ mingħajr ħlas minn professjonisti għall-persuni li setgħu ġarrbu esperjenzi ta’ tbatija

L-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-Djoċesi ta’ Għawdex fi stqarrija kkonfermaw id-deċiżjoni tagħhom jiddiżassoċjaw ruħhom mill-Komunità Ġesù Salvatur.

Dan wara li kummissjoni mwaqqfa mill-Knisja semgħet l-esperjenzi tal-persuni kollha li xtaqu jiltaqgħu magħha, inkluż il-mexxejja tal-Komunità. Il-kummissjoni tal-Knisja kienet immexxija minn Mons. Hector Scerri, teologu u President tal-Kummissjoni Dottrinali tal-Konferenza Episkopali Maltija.

"F’ħames xhur ta’ investigazzjoni ġie osservat li fil-Komunità Ġesù Salvatur hemm għarfien żbaljat u mħawwad tat-tagħlim tal-Knisja, interpretazzjoni ħażina ta’ siltiet mill-Iskrittura, u atteġġjament li jweġġa’ lil persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ sfida fil-ħajja," spjegat stqarrija maħruġa mill-Arċidjoċesi.

Il-kummissjoni tal-Knisja kkonkludiet li rrispettivament mill-ġid spiritwali li seta’ ħareġ mill-Komunità tul is-snin, "dan qatt ma jista’ jiġġustifika l-abbuż psikoloġiku u spiritwali li allegatament seħħ fil-kuntest ta’ din il-komunità."

L-isqarrija spjegat kif bil-għajnuna ta’ għadd ta’ esperti, ġie kkonfermat li l-Komunità Ġesù Salvatur turi l-karatteristiċi soċjoloġiċi ta’ komunità magħluqa u riġida li tikkaġuna ħsara lil bosta persuni, minkejja li l-intenzjonijiet ta' xi wħud li ssieħbu fil-komunità kienu tajbin.

Għaldaqstant, permezz ta’ digriet (mehmuż) maħruġ mill-Konferenza Episkopali Maltija, l-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex iddeċidew li s-saċerdoti u r-reliġjużi m’għandhomx jieħdu sehem f’laqgħat organizzati mill-Komunità Ġesù Salvatur; li laqgħat bħal dawn ma jistgħux isiru fi knejjes jew kappelli jew kwalunkwe proprjetà litappartjeni lill-Arċidjoċesi ta’ Malta, lid-Djoċesi ta’ Għawdex, lill-ordnijiet reliġjużi u assoċjazzjonijiet ekkleżjali tal-lajċi; u li l-lajċi m’għandhomx jattendu l-attivitajiet organizzati minn din il-komunità.

Meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet kollha dwar il-Komunità Ġesù Salvatur u biex tgħin lill-persuni li setgħu ġarrbu esperjenzi ta’ tbatija, il-Knisja qed toffri servizz ta’ sapport mingħajr ħlas minn professjonisti. Dawk li jixtiequ din l-għajnuna jistgħu jċemplu fuq il-helpline 25906510 (waqt il-ħinijiet tal-uffiċċju) jew jibagħtu imejl fuq [email protected].

More in Politika