L-anzjani li għandhom 'il fuq minn 85 sena se jibdew jirċievu l-ittri bl-appuntament għat-tilqima kontra l-Covid-19

L-ittri se jibdew jaslu min-nhar it-Tnejn li ġej

Min-nhar Tnejn li ġej u fil-jiem ta’ wara, l-anzjani li għandhom ’il fuq minn 85 sena se jibdew jirċievu l-ittra ta’ appuntament biex jieħdu l-vaċċin tal-COVID-19, bid-dati, ħinijiet u l-post għall-ewwel u t-tieni doża tal-vaċċin. 

Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa spjega kif l-ittra se tintbagħat fuq l-indirizz li l-anzjani għandhom imniżżel fuq il-karta tal-identità tagħhom u għalhekk il-post magħżul għat-tilqima se jkun fl-inħawita’ dan l-indirizz. 

Anzjani li ma jistgħux joħorġu  u li huma rreġistrati mal-Commcare mhumiex se jirċievu l-ittra ta’ stedina ma’ dan il-grupp, għaliex se jkunu qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex ikunu l-awtoritajiet tas-saħħa li jmorru fid-djar ta’ dawn l-anzjani biex jagħtuhom il-vaċċin.

Madanakollu, il-Ministeru appella biex jekk dawn l-anzjani għandhom il-mezzi biex imorru fiċ-ċentri tas-saħħa għat-tilqima, iċemplu 145 sabiex tinħarġilhom stedina mill-iktar fis. 

Anzjani li għandhom ’il fuq minn 85 sena u li ma jirċevux l-ittra sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla wkoll huma mitluba jċemplu 145 sabiex isiru l-arranġamenti neċessarji. 

Il-Ministeru għas-Saħħa qal ukoll li huwa konxju li hemm il-possibilità li għadhom imniżżla fil-listi tal-awtoritajiet tas-saħħa persuni li mietu fl-aħħar ġimgħat u għalhekk huwa possibbli li dawn il-persuni xorta waħda jirċievu stedina fl-aħħar indirizz li kienu rreġistrati fih.

Filwaqt li skuża ruħu ta’ dan minn qabel, il-Ministeru jappella sabiex il-qraba ta’ dawn il-persuni jċemplu 145 u javżaw lill-awtoritajiet b’din l-informazzjoni.

More in Politika