L-istudenti marru l-iskola? Il-Gvern jisħaq li l-istrajk mhux leġittimu u jitlob lill-għalliema jidħlu l-iskola

Il-Gvern jakkuża lill-MUT li qed tmur kontra l-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa

Minkejja li llbieraħ filgħaxija l-MUT ordnat strajk għall-għalliema membri tagħha, dalgħodu l-Gvern xorta waħda fetaħ l-iskejjel kif kien ippjanat u ddikjara li l-istrajk mhuwiex wieħed leġittimu.

Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li waqt il-laqgħa li saret ilbieraħ f'Kastilja, ir-rappreżentanti tal-għalliema semgħu direttament lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, tgħidilhom illi l-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tas-saħħa qed jaħdmu id f’id biex jinfetħu l-iskejjel.

Dan kuntrarjament għal dak li qalet l-istess unjin, meta insistiet li l-awtoritajiet tas-saħħa taw parir biex l-iskejjel ma jinfetħux.

"Dan ifisser li l-Unjin tal-Għalliema qed tmur kontra l-parir tal-awtoritajiet tas-saħħa, liema parir ingħad ukoll pubblikament," saħqet l-istqarrija.

Ilbieraħ stess, waqt l-aħbarijiet fuq TVM, il-Professur Gauci fakkret ukoll kif frott il-kooperazzjoni, Malta kienet fost il-pajjiżi ewlenin fejn ma kienx hemm għalfejn jingħalqu l-iskejjel. 

"Għall-Gvern l-edukazzjoni ta’ uliedna hija prijorità kif inhi s-saħħa pubblika, u d-deċiżjonijiet kollha jittieħdu fl-interess ta’ uliedna. Id-deċiżjoni tal-MUT li tinjora l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa hija meqjusa bħala waħda mhux leġittima u għalhekk meta għada jinfetħu l-iskejjel, l-għalliema huma mistennija jirrapportaw fl-iskejjel b’mod normali u jonoraw l-obbligi tax-xogħol tagħhom," temmet tgħid l-istqarrija.

Intant, mil-lum ukoll diversi skejjel privati u dawk tal-Knisja ma fetħux il-bibien tagħhom bil-lezzjonijiet qed isiru onlajn u dan hekk kif ilbieraħ Malta rreġġistrat rekord ieħor ta' każi ġodda.

More in Politika