'Sal-aħħar ta' Mejju nkunu naqqasna l-pressjoni fuq l-isptarijiet u nerġgħu nibdew nieħdu r-ruħ'

Il-Ministru Chris Fearne jisħaq li aktar ma jkunu approvati vaċċini ta' kumpaniji differenti aktar tintlaħaq malajr il-herd immunity

Waqt konferenza tal-aħbarijet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega mill-ġdid il-pjan li għandu l-Gvern biex ilaqqam malajr kemm jista’ jkun lill-persuni vulnerabbli għall-Covid-19, hekk kif illum l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina mistennija tapprova wkoll il-vaċċin ta’ Moderna.

“Din hija aħbar tajba għal Malta għax ifisser li se jkollna t-tieni vaċċin,” saħaq il-Ministru.

Fakkar kif Malta għandha ordnati 100,000 doża mingħand Moderna li jingħaqdu mas-670,000 doża li għandha ordnati mingħand Pfizer u BionNTech. 

Fakkar ukoll kif Malta għandna ordnati aktar dożi mingħand kumpaniji oħra, fosthom AstraZeneca u meta dawn il-vaċċini jkunu approvati, immedjatament jibdew jaslu f’Malta.

'Sal-aħħar ta' Jannar se jkunu tlaqqmu 16,000 persuna u 5,000 se jkunu ħadu t-tieni doża'

Spjega kif sal-aħħar ta’ Jannar, Malta se tkun irċeviet 32,000 mingħand Pfizer. Sal-aħħar ta’ Jannar, kompla jispjega l-Ministru, Malta se tkun tat l-ewwel doża lil 16,000 persuna filwaqt li 5,000 persuna se jkunu ħadu wkoll it-tieni doża tal-vaċċin.

BĦALISSA: Id-Deputat PM Chris Fearne jindirizza konferenza tal-Aħbarijiet

Posted by Illum on Wednesday, 6 January 2021

Fakkar kif kull min jieħu l-ewwel doża, qed ikollu t-tieni doża riservata għalih.

Fuq perjodu ta’ sena, il-Ministru Fearne saħaq li bil-vaċċini ta’ Pfizer u Moderna:

  • sal-aħħar ta’ Jannar, Malta se tkun irċeviet 32,000 doża,
  • 95,000 doża sal-aħħar ta’ Marzu,
  • 290,000 doża sal-aħħar ta’ Ġunju,
  • 500,000 doża sal-aħħar ta’ Settembru u
  • 770,000 doża sal-aħħar tas-sena.

'Il-frontliners, l-anzjani u l-vulnerabbli se jkunu tlaqqmu kollha sa Mejju'

Fi kliemu, Malta għandna l-kapaċità li tagħti d-doża kollha, kważi kważi immedjatament malli jaslu.

Ovvjament spjega l-Ministru, jekk ikun approvat wkoll il-vaċċin ta’ AstraZeneca u oħrajn, jaslu aktar dożi u l-proċess ikunu jista’ jitħaffef.

Il-Ministru Fearne qal li bil-vaċċin ta’ Pfizer u Moderna, sal-aħħar ta’ Mejju Malta se tkun laqqmet il-frontliners kollha, dawk li jgħixu fl-istituzzjonijiet, l-anzjani kollha li għandhom aktar minn 70 sena u lil dawk kollha li għandhom mard kroniku (anke jekk għandhom inqas minn 70 sena).

“Dan ifisser li sal-aħħar ta’ Mejju nkunu naqqasna l-pressjoni fuq l-isptarijiet u nkunu nistgħu nerġgħu nieħdu r-ruħ bħala pajjiż,” spjega Fearne.

'F'Mejju l-bqija tal-popolazzjoni tkun tista' ċċempel u tagħmel appuntament għall-vaċċin...'

F’Mejju, imbagħad, kull dar se tirċievi notifika, biex dawk kollha li ma jkunux ħadu t-tilqima, ikunu jistgħu jċemplu biex jagħmlu appuntament, bil-prijorità se tingħata lil dawk li għandhom aktar minn 55 sena.

“Il-pjan tagħna bi Pfizer u l-Moderna biss huwa li nilħqu l-herd immunity sal-aħħar tas-sajf. Jekk jasal tilqim ieħor inkunu nistgħu nqassru l-perjodu,” saħaq il-Ministru.

Intant, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci appellat biex sakemm tintlaħaq il-herd immunity u sakemm ma jingħatax avviż ieħor, kulħadd għandu jibqa’ jsegwi l-miżuri ta’ mitigazzjoni. 

Jekk il-vaċċin ta' Moderna jkun approvat meta jasal?

Il-Ministru Fearne spjega wkoll li jekk illum ikun approvat il-vaċċin ta' Moderna, id-dożi jibdew jaslu Malta mill-ġimgħa d-dieħla.

Dawk ta' Moderna, se jibdew jaslu kull ħmistax filwaqt li dawk ta' Pfizer jibqgħu jaslu Malta kull ġimgħa.

Id-dożi ta' Moderna se jaslu f'ammonti iżgħar minn dawk ta' Pfizer hekk kif Malta għandha allokati 100,000 doża.

Aqra wkoll:

Mhux eskluż li jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda kontra l-Covid-19 fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin

More in Politika