Mhux eskluż li jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda kontra l-Covid-19 fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin

Il-Ministru Fearne saħaq li bħalissa l-awtoritajiet jinsabu f'kuntatt kontinwu mal-laboratorji biex ikunu magħrufa l-fatturi li qed iwasslu biex jiżdiedu l-każi

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne innota ż-żieda sostanzjali fil-każi ta' Covid-19 f'Malta matul l-aħħar jiem u insista li mhux eskluż li fil-ġranet li ġejjin jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda ta' mitigazzjoni.

Il-Ministru Fearne, waqt konferenza tal-aħbarijiet, saħaq li bħalissa l-awtoritajiet jinsabu f'kuntatt kontinwu mal-laboratorji biex ikun magħruf il-fatturi li qed iwasslu biex jiżdiedu l-każi.

Spjega kif il-fatturi jistgħu jkunu tlieta:

  • Iċ-ċelebrazzjonijiet privati tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena
  • Il-kesħa (hekk kif il-Covid-19 jiżdied aktar ma tiksaħ it-tempertura)
  • Il-varjant il-ġdid li feġġ u li qed jinfirex mal-Ewropa u d-dinja.

Il-Ministru insista li fil-ġranet li ġejjin l-awtoritajiet se jibqgħu janalizzaw biex ikun magħruf liema fattur jew fatturi qed iżidu drastikament il-każi ġodda.

Insista li jekk il-fattur ewlieni jkun il-festi, allura wieħed jistenna li l-każi jonqsu fil-ġimgħat li ġejjin u l-pressjoni fuq l-isptarijiet u l-ITU ma tibqax tiżdied.

Madanakollu, jekk il-fatturi ewlenin ikunu l-kesħa jew inkella l-varjant, insista li l-awtoritajiet ikunu kostretti jieħdu l-miżuri li hemm bżonn biex l-imxija tkun ikkontrollata u tonqos il-pressjoni fuq l-isptarijiet.

Aqra wkoll: 

'Sal-aħħar ta' Mejju nkunu naqqasna l-pressjoni fuq l-isptarijiet u nerġgħu nibdew nieħdu r-ruħ'

More in Politika