Filmat | 'Injoraw il-ħafna kummenti negattivi u li jbeżżgħu' - Il-President jieħu l-ewwel doża tal-vaċċin

Il-President appella lil kulħadd biex jaħtaf l-opportunità u jieħu l-vaċċin mhux għalih innifsu biss imma anke għal ħaddieħor

Il-President ta' Malta, George Vella, illum ħa l-ewwel doża tal-vaċċin ta' Pfizer kontra l-Covid-19.

Fil-kummenti tiegħu, il-President li huwa tabib, appella lil kulħadd biex jieħu l-vaċċin u jikkopera mal-awtoritajiet tas-saħħa, biex il-vaċċin joħduh biżżejjed nies biex inkunu nistgħu verament ngħidu li l-pandemija hija xi ħaġa tal-passat.

"Qed nieħu l-vaċċin b'kunfidenza għax naf li hija prodott ta' kumpanija rinomata, b'riċerka rinomata u approvata mill-awtoritajiet tas-saħħa fl-Ewropa," saħaq il-President.

Appella lil kulħadd biex jinjora l-ħafna kummenti negattivi u li jbeżżgħu lin-nies.

"Dan huwa fl-interess ta' saħħitna. Nafu kemm iddispjaċina għall-anzjani li tilfu ħajjithom. Inkunu boloh jekk għandna l-unika ħaġa li tista' tgħinna biex inwarrbu din il-marda, nirrifjutawha fuq argumenti mhux ibbażati fuq il-verità," insista l-President. 

Appella lil kulħadd beix jaħtaf l-opportunità u jieħu l-vaċċin mhux għalih innifsu biss imma anke għal ħaddieħor.

Aqra aktar:

More in Politika