2020: Ħarsa lejn is-sena ... min tela', min niżel, min irriżenja u min ġie appuntat

Minn Joseph Muscat u Adrian Delia, għall-mexxejja politiċi ġodda, Angelo Gafa', it-tkeċċija ta' Konrad Mizzi mil-Labour, Kardinal Malti u Charmaine Gauci

Fl-aħħar ħarġa tal-ILLUM tas-sena - fiha ssir analiżi ta' min tela', min niżel, min sploda 'l fuq u min ħa tisbita l'isfel matul it-52 ġimgħa ta' qabel - f'dan il-każ l-2020.  L-analiżi tieħu in kundiserazzjoni l-fatti, tneħħijiet jew riżenji, kritika u popolarità, promozzjoni jew inkella viżibilità pubblika tal-persuna. 

Naturalment nafu li mhux kulħadd se jaqbel għax mitt bniedem, mitt fehma.  Hawnhekk il-gazzetta ILLUM qed tippreżenta analiżi kemm jista' jkun oġġettiva ta' persuni li raw il-fortuni politiċi jew tal-karriera tagħhom tieħu spinta 'l fuq u oħrajn li rawha tieħu spinta 'l isfel. 

 

Charmaine Gauci, is-Supretendet tas-Saħħa Pubbliku
Charmaine Gauci, is-Supretendet tas-Saħħa Pubbliku

Charmaine Gauci:  Bla dubju l-aktar persuna li rajna, smajna, staqsejna lilha, staqsejna dwarha, qbilna magħha, obdejniha, ma qbilniex magħha u l-aktar persuna li kellha viżibilità pubblikau ġibdet lejha ammirazzjoni u simpatija kienet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci. 

Minn kmieni fl-2020, meta faqqgħet il-pandemija f'pajjiżna u meta l-kliem 'coronavirus', 'vaċċin' u l-mistoqsija, 'kemm sabu każi llum?' kienu għadhom xi ħaġa 'l bogħod, Gauci kienet bdiet tagħti l-bullettini tal-każi.  Eżatt fin-nofsiegħa kuljum kulħadd kien jintefa' quddiem it-televixin, laptop jew mowbajl jistenna lil Gauci tibda tgħidilna kemm sabu każi ta' Covid-19, x'etajiet kellhom u minn fejn ħadu l-virus. 

Dawk li qatt ma kienu jaraw it-TV wara nofsinhar għax ikunu x-xogħol skoprew il-programm Niskata ppreżenetat minn Angela Agius peress li l-bullettin kien jiġi f'nofs dan il-programm. 

Gauci, apparti li tinforma, kellha jgħinha komportament li niżel għasel mal-Maltin.  Kalma, paċenzjuża u twieġeb il-mistoqsijiet b'mod ċar u skjett, b'kumdità, anke meta l-mistoqsijiet ikunu naqra antipatiċi jew xi ftit politiċi wkoll. 

Charmaine Gauci, flimkien mal-"imgħallem tagħha" d-Deputat PM Chris Fearne kienu meqjusin bħala l-wiċċ aktar sobriju tal-kwistjoni kollha tal-Covid-19, fil-fatt ir-rati ta' approvazzjoni tagħhom kienu dejjem ogħla minn dawk tal-Prim Ministru Robert Abela, skont sondaġġi xjentifiċi li ħarġu matul il-pandemija. 

Minkejja li mbagħad ma baqgħetx tidher kuljum u llum d-dehriet tagħha niżlu għal darba f'ġimgħa, Charmaine Gauci baqgħet ammirata u maħbuba kif ukoll punt ta' referenza fuq il-Covid-19. 

Ftit ġimgħat ilu Gauci ingħatat Ġieħ ir-Repubblika, definittivament meqjus bħala rikonoxximent mistħoqq lil mara li qabel l-2020 ftit kienu semgħu biha, kellmuha jew qatt rawha fuq it-TV!

 

L-eks Ministru Konrad Mizzi, imkeċċi mill-Partit Laburista
L-eks Ministru Konrad Mizzi, imkeċċi mill-Partit Laburista

Konrad Mizzi: L-akbar daqqa l'isfel - bla dubju - ħadha l-eks Ministru Konrad Mizzi li saħansitra spiċċa mkeċċi mill-partit tiegħu stess b'mod xejn ċerimonjuż. 

Dan għaliex, fi żvolta pjuttost spettakolari, Mizzi spiċċa ma aċċettax it-talba tal-Prim Ministru biex jirriżenja għax insista li hu ma għamel xejn ħażin fil-każ tal-Windfarm fil-Montenegro. 

Kienet il-gazzetta The Sunday Times, flimkien ma' Reuters, li żvelaw kif Yorgen Fenech allegatament għamel profitt ta' €4.6 miljun permezz tal-kumpanija tiegħu reġistrata d-Dubaj, 17 Black, mid-deċiżjoni tal-Enemalta li tixtri wind farm fil-Montenegro. 

Dan meta Mizzi kien Ministru inkarigat mill-Enemalta, f'liema żmien ukoll l-istess eks Ministru kien mar il-Monetengro diversi drabi. 

Kienet il-kumpanija Cifidex li biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol  - għal €2.9 miljun, differenza ta' €7.4 miljuni.  €4.6 miljun minnhom huwa allegat li baqgħu f'17 Black bħala profitt għal Yorgen Fenech.  Investigazzjoni tal-istess kmamar tal-aħbarijiet kienu żvelaw illi €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cidifex. Jiġifieri l-flus ta' Cidifex  biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech.

Cidifex hija kumpanija reġistrata fil-gżejjer tas-Seychelles.

Konrad Mizzi kien mar diversi drabi il-Montenegro - fatt li ħareġ minn rapport leaked mill-FIAU.  Huwa kien preżenti l-Montenegro jumejn wara li sar dan il-ftehim u kien uża l-kard personali tiegħu biss, biex saret tranżazzjoni ta' ċenteżmu wieħed.  L-FIAU kienet qalet li dan allura sar biex Mizzi jiċċekkja l-kard kinitx valida. 

Sussegwentement Mizzi intalab jirriżenja, xi ħaġa li ma għamilx.  Anzi mar fuq Facebook u spjega għaliex mhux jaċċetta li jirriżenja. 

Għalhekk fi ftit ħin il-Prim Ministru Robert Abela laqqa' l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista, fi żvilupp pjuttost drammatiku, nhar it-23 ta' Ġunju.  71 minn 73 membru tal-Eżekuttiv ivvotaw biex Mizzi jitkeċċa mill-Partit u għalhekk huwa baqa' Deputat indipendenti. 

 

L-eks Avukat Ġenerali Peter Grech
L-eks Avukat Ġenerali Peter Grech

Peter Grech:  Din is-sena Peter Grech irriżenja (jew tneħħa bil-pulit) minn Avukat Ġenerali.  Grech kien wieħed mill-aktar persuni li lejhom kienet qed issir ħafna kritika wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u wara allegazzjonijiet li heżżew lill-Gvern ta' Joseph Muscat.  Wiċċu fil-fatt kien jintuża ħafna fil-protesti ta' Repubblika u Occupy Justice. 

Dan seħħ ukoll wara li l-PM indika li se jkun qed jiġi appuntat Avukat Ġenerali ġdid fil-futur qarib.

Fl-2017 il-Partit Nazzjonalista kien argumenta illi Grech ma qediex dmiru meta ma pproċediex kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri fuq suspetti ta' ħasil ta' flus u tixħim li kienu msemmija f'rapporti tal-FIAU. 

Is-sitwazzjoni ta' Peter Grech iggravat hekk kif fix-xhieda tiegħu fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-eks Kap tal-Unit tar-Reati Ekonomiċi Ian Abdilla xehed kif l-istess Grech kien qal lill-pulizija biex 'ma jgħaġġlux' (go slow) fuq allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-ogħla uffiċjali tal-Gvern ta' Muscat. 

Bħall-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, Peter Grech temm il-karriera tiegħu jiddefendi lilu innifsu u ħidmietu iżda fl-inglorja ta' kritika ma taqta' xejn. 

Fl-2020 Malta kellha Kardinal ġdid
Fl-2020 Malta kellha Kardinal ġdid

Mario Grech:  L-isqof Mario Grech din is-sena ingħata waħda mill-ogħla karigi li teżisti fil-Knisja Kattolika u sar Kardinal, kariga li kellhom l-unur li jżommu biss żewġ Maltin qablu.  Fabrizio Sceberras Testaferrata u Propsero Grech, ħafna iktar riċenti.

Prospero Grech iżda - kuntrarjament għal Mario Grech -  ma kellux vot fil-Konklavi li jagħżlu Papa għax il-vot huwa mogħti lil dawk il-kardinali ta' taħt it-80 sena. 

Minflok Grech, bħala Isqof ta' Għawdex, kien magħżul mill-Papa, Anton Teuma.

 

Il-PM Robert Abela, jiġi elett Mexxej Laburista b'marġini kbar fl-2020
Il-PM Robert Abela, jiġi elett Mexxej Laburista b'marġini kbar fl-2020

Robert Abela:  Sal-2019 Robert Abela kien konsulent tal-Gvern iżda lejn l-aħħar tas-sena l-oħra kien kontestant f'tiġrija li ftit ħasbu illi jista' jirbaħ.  Kienet kważi mistennija li Chris Fearne - diġa' Deputat Prim Ministru - ikun l-Prim Ministru wara Muscat. 

Iżda l-bidu tas-sena rat il-fortuni politiċi jduru, l-kampanja ta' Abela tieħu spinta - u tilħaq il-qofol fl-aħħar attività b'immaġini simili għal dik ta' Joseph Muscat f'Raħal Ġdid u finalment jirbaħ l-elezzjoni interna fost il-membri tal-Partit Laburista. 

Abela, bil-wegħda ta' kontinwità, rebaħ bil-kbir.  Malli beda l-għadd tal-voti fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kien beda jidher ċar li r-rebħa ta' Abela se tkun waħda konsiderevoli hekk kif hu rebaħ b'maġġoranza komda il-vot tal-membri fir-raba' distrett - li jinkludi wkoll raħal twelid Fearne,  Raħal Ġdid - u fejn l-istess Fearne kien mistenni li jirbaħ. 

Ir-riżultat finali kien 57.9% favur Abela, meta l-aħħar sondaġġi kienu qed juru riżultat ħafna iktar qrib. 

L-ewwel xhur ta' Abela ma kienu faċli xejn, anzi kienu magħmudija tan-nar.  Mill-mewt ta' Miriam Pace, sal-kriżi tal-immigrazzjoni u naturalment il-pandemija u l-kjass ekonomiku dinji li din ġabet magħha.  Il-pandemija fil-fatt wasslet għal miżuri li qatt fl-istorja ma rajna jew qrajna dwarhom. 

Minkejja li Abela qala' ħafna kritika (u xi kultant anke redikolu) l-aktar minħabba l-famuża stqarrija li 'l-mewġ fil-baħar qiegħed' - kollox ma' kollox sondaġġi lokali u Ewropej juru li l-poplu huwa kuntent bil-miżuri li ttieħdu mill-Gvern fir-rigward tal-Covid-19.  Il-wage supplement u l-vouchers kienu żewġ miżuri kruċjali biex l-ekonomija ma tkissritx, filwaqt li n-nurmi u l-imwiet għalkemm żdiedu u kienu inkwetanti ferm la kienu l-inqas pero' lanqas l-ogħla rati fl-UE. 

L-2020 kienet test jaħraq għal Abela li minkejja li tilef mill-popolarità tiegħu, baqa' ferm quddiem l-avversarju tiegħu Bernard Grech. 

 

 

Muscat temm il-karriera politika tiegħu
Muscat temm il-karriera politika tiegħu

Joseph Muscat:  Din ma kinitx l-agħar sena għal Muscat.  L-agħar kienet l-2019 li spiċċat bir-riżenja ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi minn Ministri, protesti fit-toroq tal-Belt, tempertaura politika taħraq, akkużi li l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kien maħmum minn nies f'Kastilja u l-arrest tal-istess Schembri li għadu taħt police bail sa issa. Finalment Muscat kellu jirriżenja, sentejn biss wara rebħa rekord fl-elezzjoni ġenerali tal-2017. 

Imma lanqas kienet sena tajba għax spiċċa minn PM, qabel iż-żmien u anke minn Deputat.

Fl-2020 Muscat issiġilla r-riżenja tiegħu ftit qabel kien elett Robert Abela b'attività fil-Kumpless Sportiv ta' Kordin f'Raħal Ġdid.  Għal eluf kbar dan kien mument ta' rebħa u mument illi fih Malta inħelset minn dak li, f'għajnejhom, kien l-aktar PM korrott fl-istorja. 

Minn naħa l-oħra għal eluf kbar oħrajn it-tluq ta' Muscat kien mument kommoventi, emozzjonali u tad-dwejjaq.  Mument li fih Malta tilfet dak li, f'għajnejhom, kien wieħed mill-aqwa Prim Ministri li qatt kellha Malta. 

Fl-2020 Muscat imbagħad irriżenja wkoll minn Deputat Parlamentari.  

Naturalment Muscat kien (u se jibqa') figura politika kontroversjali ħafna - maħbub u mibgħud minn sezzjonijiet differenti tal-poplu u probabbilment se jibqa' jkun fiċ-ċentru ta' kontroversja hekk kif matul l-2021 ikompli l-każ ta' Daphne Caruana Galizia kif ukoll numru ta' inkjesti.

 

Minn Brussell għal Malta, fil-Kabinett
Minn Brussell għal Malta, fil-Kabinett

Miriam Dalli: Dalli din is-sena ma baqgħetx MEP, minkejja li kienet l-aktar kandidata li kisbet voti fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019.  Imma dan seħħ għaliex Dalli ġiet f'Malta fejn jidher ċar illi qed tkun ippużizzjonata għal karigi potenzjali ikbar. 

Dalli ngħatat Ministeru, li jinkludi fih l-Enerġija, u se tkun kandidata fl-elezzjoni ġenerali li jmiss fejn mistennija tkun waħda mill-aktar kandidati li jattiraw voti lejhom. 

 

Adrian Delia spiċċa tneħħa minn Kap tal-PN
Adrian Delia spiċċa tneħħa minn Kap tal-PN

Adrian Delia: Din is-sena kienet defittivament sena ħażina ħafna għal Adrian Delia li tilef postu bħala Kap Nazzjonalista wara xhur ta' ġlied u drama politika li tefgħet l-attenzjoni politika kważi esklussivament fuq il-Partit Nazzjonalista.

Kien ilu jberraq għal Delia imma fl-2020 wara storja dwar messaġġi fuq Whatsapp, tlaqqa' l-Grupp Parlamentari li wassal biex beda l-proċess għat-tneħħija ta' Delia. 

Mal-ġimgħat ittieħdu żewġ voti ta' fiduċja li Delia tilef fil-grupp Parlamentari, ittieħed vot fl-Eżekuttiv tal-PN li Delia tilef ukoll sakemm il-kwistjoni marret quddiem il-Kunsill Ġenerali.  Hawnhekk il-Kunsilliera kellhom jagħżlu bejn vot ta' fiduċja fil-Kap, kif xtaq Adrian Delia, jew elezzjoni għal Kap, kif xtaqu dawk kontra Delia. 

Ir-riżultat kien 839 favur elezzjoni u 659 kontra.  

Delia tilef il-kariga wara li mas-17,000 tesserat ħarġu jivvutaw.  Delia fil-verità, minkejja li kien għadu Kap waqt il-kampanja, xorta tilef din l-elezzjoni bil-kbir u kiseb 7,000 vot inqas minn Grech jew 30% biss tal-vot tat-tesserati. 

Naturtalment allura dan kien tmiem politiku goff għal Delia. 

 

Grech jirbaħ elezzjoni interna bil-kbir u jsir Kap tal-PN
Grech jirbaħ elezzjoni interna bil-kbir u jsir Kap tal-PN

Bernard Grech:  Naturalment mal-inżul ta' Delia kellna t-tlugħ ta' Grech li beda b'riżultat aqwa milli kiseb Abela f'Jannar fost il-membri tal-PL.  Dan allura kien bidu tajjeb għalih. 

Jidher iżda li mal-ġimgħat intilef dak l-impetu li kien jidher li qabad u għalissa jidher ukoll li Grech qed jaħdem iktar fuq bidliet interni u anke fuq livell ta' fergħat u tibdil fihom.  Imma naturalment, għajr għal dawk li huma akkaniti, dan ftit jinteressa lin-nies. 

Minkejja li għal Grech kienet sena tajba għadu jidher li jrid jingrana fil-pożizzjoni u l-ewwel diskors tiegħu bħala risposta għall-baġit ma impressjona assolutament xejn.  Dan ifisser li Grech għad irid jaħdem ħafna fuq l-oratrija u anke fuq il-bżonn li jbiddel lill-PN f'partit proattiv u rilevanti. 

 

Roberta Metsola issir President tal-PE
Roberta Metsola issir President tal-PE

Roberta Metsola:  Kuntrarjament għal Miriam Dalli Metsola - l-aktar kandidata Nazzjonalista li ġabet voti f'isem il-PN fl-aħħar elezzjoni tal-Parlament Ewropew - se tibqa' fl-UE. 

Apparti l-ħidma normali tagħha iżda din is-sena kienet waħda tajba ħafna għal Metsola hekk kif hija inħatret Viċi President tal-Parlament Ewropew.  Din hija l-ogħla kariga li qatt kellha persuna li kienet tirrapreżenta lil Malta fi Brussell - u kariga għolja ħafna wkoll fl-istituzzjoni. 

 

Chris Cardona jispiżża barra wkoll
Chris Cardona jispiżża barra wkoll

Chris Cardona:  Għal Cardona din is-sena kienet kontinwazzjoni ta' dik ta' qabilha; sena ħażina.  Fl-2020 Cardona irriżenja minn Deputat Mexxej tal-Partit Laburista wara li talbu jagħmel dan il-Prim Ministru Robert Abela. 

Isem l-eks Ministru u eks Deputat Mexxej deher diversi drabi fil-Qorti waqt ix-xhieda tal-intermedjarju Melvin Theuma waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech u saħanistra reġa' ssemma' minn Johann Cremona, sħab Fenech fin-negozji.

Fil-Qorti kien allegat li Cardona ħallas għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, permezz ta' Anthony Chetcuti, magħruf bħala l-Biglee, deskritt bħala intermedjarju bejn l-eks Ministru u Alfred Degiorgio, il-Fulu.

Minn dakinhar li rriżenja Cardona ftit li xejn kellu dehriet pubbliċi għajr meta tela' jixhed fl-inkjesta pubblika. 

 

Id-Deputat Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, Daniel Micallef
Id-Deputat Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, Daniel Micallef

Daniel Josè Micallef: Il-waqa' ta' Cardona kien tlugħ ta' Daniel Josè Micallef, li issa jokkupa t-tieni l-ogħla kariga fil-Partit Laburista.  Micallef huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar nies progressivi u moderati tal-Partit Laburista b'ideat ċari u liberali f'diversi oqsma soċjali. 

Micallef, b'komportament ġeneralment kalm u bl-organizzazzjoni tal-elezzjoni għall-Mexxej Laburista ġdid f'Jannar f'idejh, saħħaħ il-pożizzjoni politika tiegħu fl-2020 fl-istess partit li fih ilu jimmilita. 

 

Il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Angelo Gafà dalgħodu
Il-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Angelo Gafà dalgħodu

Angelo Gafà:  Il-Korp tal-Pulizija kien wasal għal bidla oħra fit-tmun u dan tant irrealizzah il-PM Robert Abela li waħda mill-ewwel affarijiet li għamel - wara li waqqaf nies bħal Neville Gafa' minn Kastilja - kien li wiegħed bidla fit-tmun tal-Korp.  Pero' l-PM wiegħed ukoll bidla fil-mod kif jinħatar Kumissarju tal-Pulizija. 

Wara li rriżenja l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fil-fatt għall-ewwel darba kien hemm proċess sħiħ, li jinkludi lill-Parlament u li wassal biex inħatar Angelo Gafa'. 

Fl-ewwel xhur tiegħu Gafa' ftit li xejn kien ikkritikat u beda jidher ċerta ċaqlieq li jista' biss jawguralu tajjeb għall-kredibilità tiegħu għaż-żmien li ġej!  

 

 Silvio Parnis ma jingħatax kariga fil-Kabinett il-ġdid
Silvio Parnis ma jingħatax kariga fil-Kabinett il-ġdid

Silvio Parnis: Il-politiku minn Raħal Ġdid kellu tmiem xi ftit goff ukoll mill-Kabinett u llum reġa' jinsab fil-backbench.  Parnis kien qed jiffaċċja ftit kritika mhux ħażin għal mod kif mexxa -settur tal-anzjani waqt il-pandemija, b'dan is-settur tal-popolazzjoni tbati l-aktar. 

Minkejja li hu qal illi għamel dak kollu li seta', il-PM xorta neħħieħ minn dan il-portafoll.  Parnis ma aċċettax portafoll ieħor li sal-lum għadna ma nafux x'inhu u spiċċa l-unika wieħed mill-Kabinett preċedenti li tħalla barra. 

Huwa esprima l-għadab u l-weġgħa tiegħu għal dan il-fatt, xi ħaġa li ġabitlu simpatija u anke kritika. 

Manuel Mallia tħalla b'xejn għal darba oħra u Ian Castaldi Paris kif ukoll Jean Claude Micallef ukoll tħallew fuq il-back bench minkejja aspettativa l-kontra. 

 

U fl-Istati Uniti?

Din is-sena kienet ukoll is-sena li saret elezzjoni ġenerali fl-Istati Uniti wara l-ewwel terminu ta' Donald Trump bħala President.  Trump li tela' bl-għajta ta' 'Make America Great again' tela' b'ħafna wegħdi ta' ħitan mal-Messiku u diskors kontra l-immigrazzjoni fil-pajjiż.  Fil-fatt ir-rebħa ta' Trump kienet meqjusa bħala rebħa għall-populiżmu, il-lemin u l-politika anti-migratorja f'pajjiż li fih jgħixu komunitajiet kbar ta' immigranti f'ġenerazzjonijiet diversi, l-aktar Afrikani, mill-Karibew u naturalment mill-Amerika Latina. 

Il-Preisdenza ta' Trump kienet ħafna drabi taħt id-dellijet ta' inkjesti u akkużi ta' indħil Russu fl-elezzjoni li ratu jsir President u Trump kien sar magħruf għall-mod arroganti li jindirizza l-midja u għall-antipatija qawwija li kellu għaliha jew sezzjonijiet minnha.  Huwa ppopolarizza t-terminu 'fake news' għal kull storja li politiku jidhirlu li ma togħġbux!   

Il-mewt ta' George Floyd taħt idejn il-pulizija din is-sena wkoll, wasslet għall-protesti kbar, diżordni u anke vjolenza - bil-President iwieġeb għaliha b'qawwa liema bħalha. 

Minkejja dan Trump kellu l-preġji tiegħu wkoll, bl-ekonomija Amerikana tikber u jinħoloq ix-xogħol fil-pajjiż. 

L-akbar uġigħ ta' ras u probabbilment il-kwistjoni li kienet l-aħħar musmar fit-tebut politiku tiegħu kienet il-pandemija, b'bosta Amerikani jħossu li l-President kien tilef b'mod assolut  il-kontroll tal-pandemija. 

Trump tilef l-elezzjoni ta' din is-sena;  umiljazzjoni kerha hekk kif baqa' President għal terminu wieħed biss.  Bħalu kien hemm l-eks President Repubblikan George Bush Snr. (1989 - 1993) u qablu d-Demokratiku Jimmy Carter (1977 - 1981). 

Ir-riżultat elettorali ta lil Trump telfa kontra l-kandidat u President Elett Joe Biden.  Biden (Id-Demokratiċi) kiseb 306 voti (siġġijet) Elettorali, li fil-fatt huwa 56 aktar minn kemm kandidat għandu bżonn biex jirbaħ (270), filwaqt li Trump (Ir-Repubblikani) rebħu 232. 

Bħala voti d-Demokratiċi kisbu 51.4% tal-vot jew 81,283,485 voti, filwaqt li Trump rebaħ 46.9% jew 74,223,744.  Dan ifisser distakk ta' seba' miljuni favur Biden. 

Il-mod kif Trump irreżista, baqa' qatt ma kkonċeda u ġab dubji ta' tbagħbis fl-elezzjoni - allegazzjonijiet li sa issa ma kinux sostnuti jew mhux sostnuti b'mod li jagħmlu differenza reali lir-riżultat, aktar żied l-antagoniżmu ta' ħafna Amerikani u anke internazzjonalment kontrih. Alleati tradizzjonali tiegħu wkoll abbandunaw lilu u l-allegazzjonijiet tiegħu u ferħu lil Biden. 

 

More in Politika