'Ejjew niftakru dan il-Milied bħala wieħed li fih ipproteġejna lill-aktar nies għal qalbna' - Charmaine Gauci

Gauci appellat biex kemm jista' jkun familja ma tistedinx oħra biex ma jkunx hemm taħlit bejn familji differenti li jżid ir-riskju tat-tixrid tal-virus

Bħal-lum ħmistax huwa l-Milied u għalhekk ma setax jonqos li waqt il-bulletin mediku tagħha, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, tagħmel appell biex anke fi żmien il-festi kulħadd jibqa' jsegwi l-miżuri ta' prevenzjoni.

"Tgħallimna ħafna u rajna kif dawn il-miżuri jnaqqsu l-każi," saħqet Gauci.

Waqt li bħalissa ħafna jkunu qed jippjanaw l-ikliet tal-Milied, Gauci appellat biex kemm jista' jkun familja ma tistedinx oħra biex ma jkunx hemm taħlit bejn familji differenti li jżid ir-riskju tat-tixrid tal-virus.

"Ejja noqogħdu attenti u naraw li dan ikun Milied li fih inkunu pproteġejna lill-iktar nies li huma għal qalbna," appellat Gauci. 

Fakkret li waqt l-ikliet fid-djar, id-distanza soċjali madwar mejda hija kważi kważi impossibbli u waqt l-ikel in-nies mhux se jkunu liebsa l-maskra.

Insistiet li dawn huma l-aktar żewġ miżuri importanti kontra t-tixrid tal-virus.

"Hemm ħafna mezzi kif nistgħu nikkomunikaw. Tieħu gost tara familji li anke jikkomunikaw onlajn," saħqet Gauci. "Huwa Milied li nistgħu ngawduh filwaqt li noqogħdu attenti."

Saħqet li qed ikun hemm ukoll ħafna li qed jistaqsu jekk jistgħux jagħmlu swab test u jekk ikun negattiv ikunu jistgħu jmorru għand il-qraba jew ħbieb fil-Milied.

"Dan huwa perikoluż ħafna," saħqet Gauci. Fakkret li jekk ma jkunx hemm biżżejjed partiċelli fil-ġerżuma (għax il-virus għandu perjodu ta' inkubazzjoni ta' 14-il ġurnata), it-test mhux se jaqbdu. "Jista' jkun li sakemm tiltaqa' mal-persuni l-oħra, tkun infettiv."

More in Politika