44 miljun impjieg f’riskju u telf ta’ €98 biljun ... id-daqqa ta’ ħarta li qalgħet l-industrija tal-avjazzjoni

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-rapport annwali tal- Assoċjazzjoni Internazzjonali għat-Trasport bl-Ajru (IATA) li jagħti ħarsa lejn id-daqqa ta’ ħarta li ħadet l-industrija tal-avjazzjoni fl-aħħar sena u t-triq ‘il quddiem għall-irkupru

Il-Covid-19 ħalla impatt fuq kollox. Biżżejjed tqalleb il-gazzetta ILLUM minn Marzu li għadda u taqra l-esperjenzi ta’ nies u sidien ta’ negozji. Bla dubju li l-akbar daqqa ta’ ħarta ħadha s-settur tat-turiżmu u l-industrija tal-avjazzjoni. Dan joħroġ ċar fir-rapport annwali tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali għat-Trasport bl-Ajru (IATA) li tiġbor fiha ħafna linji tal-ajru, inkluż l-Air Malta. Ir-rapport jiddeskrivi l-Covid-19 u l-2020 bħala l-akbar xokk għat-titjiriet kummerċjali u l-avjazzjoni mit-Tieni Gwerra Dinjija. L-IATA saħansitra tisħaq li l-effetti li kellhom l-attakki fuq it-Twin Towers u l-kriżi finanzjarja tal-2008, li sa ftit xhur ilu kienu meqjusa drammatiċi, lanqas biss jibdew mal-Covid-19.

L-IATA tibda r-rapport tagħha tispjega kif l-impatt tal-Covid-19 fuq l-avjazzjoni beda jinħass fi Frar sakemm laħaq il-qofol tiegħu f’April meta diversi pajjiżi għalqu l-fruntieri tagħhom. F’April, iċ-ċaqlieq tal-passiġġieri naqas b’94% mis-sena ta’ qabel. Minn dakinhar, l-irkupru kien minimu.

Madwar 44 miljun impjieg f’riskju

Iżda dawn huma biss statistiċi. L-aktar problema tibqa’ li mill-industrija tat-turiżmu jiddependu miljuni ta’ impjiegi. Huwa smat li mill-industrija tal-avjazzjoni jiddependi l-impjieg ta’ kważi 88 miljun persuna. Ir-rapport jistma li madwar nofs dawn l-impjiegi huma f’riskju. Dan biex ma nsemmux impjiegi oħra, f’setturi varji, li wkoll intlaqtlu. Insemmu biss lil dawk li jaħdmu fil-lukandi u fis-setturi tad-divertiment u l-ospitalità.

Ir-rapport jispjega wkoll kif it-titjiriet internazzjonali, jiġifieri bejn pajjiż u ieħor, intlaqtu ħafna aktar minn dawk domestiċi, jiġifieri titjiriet minn ajruport għal ieħor fl-istess pajjiż. Ovvjament dan minħabba restrizzjonijiet imposti fuq l-ivjaġġar, partikolarment fl-ewwel xhur tal-pandemija, biex pajjiżi jnaqqsu r-riskju tal-importazzjoni tal-Covid-19.

Iż-żieda fit-titjiriet domestiċi turi rieda għall-ivjaġġar

Iżda mhux kollox mitluf. Fil-fatt, skont l-IATA minn April, iż-żieda fl-ivjaġġar domestiku (anke jekk għal Malta ma jgħoddx) huwa xi ftit jew wisq aktar inkoraġġanti minn dak internazzjonali, anke jekk xorta waħda huwa 87% inqas mis-sena li għaddiet.

Fi kliem l-Assoċjazzjoni dan juri li għad hemm u qed tiżdied mill-ġdid id-domanda biex persuni jivjaġġaw, kemm għal btala u anke biex iżuru qraba u ħbieb.

It-tieni u t-tielet mewġa ... reġgħu tefgħu kollox il-baħar partikolarment fl-Ewropa

Il-ftit sinjali ta’ rkupru li s-settur tal-avjazzjoni beda juri mas-sajf malajr taru mar-riħ hekk kif it-tieni mewġa tal-Covid-19 refgħet rasha, partikolarment fl-Ewropa.

Fil-fatt, l-IATA tisħaq li l-fatt li l-pajjiżi Ewropej ma rnexxilhomx jikkontrollaw biżżejjed il-virus biex jevitaw it-tieni mewġa, ma jawgurax tajjeb biex l-ivjaġġar jibda juri sinjali ta’ rkupru fil-futur qrib.

F’Mejju, ikompli jgħid ir-rapport, meta diversi pajjiżi Ewropej bdew jerħu r-restrizzjonijiet u anke jifħtu l-fruntieri tagħhom, partikolarment għal pajjiżi Ewropej b’riskju baxx ta’ Covid-19, inħoloq ftit ottimiżmu bl-iżvilupp ta’ dawk li bdew jissejħu bħala kurituri siguri għall-ivjaġġar.

Fil-fatt, ir-rapport jispjega kif lejn tmiem is-sajf, kien hemm żieda “sostanzjali” fl-ivjaġġar fl-Ewropa iżda kollox sfaxxa fix-xejn meta l-Covid-19 reġa’ għolla rasu u l-pajjiżi kellhom jerġgħu jimponu r-restrizzjonijiet.

Skont ir-rapport l-uniku swieq li qed jirrapportaw sinjali ta’ rkupru huma dawk tal-Amerika Ċentrali u l-Amerika ta’ Fuq u x’aktarx li dan minħabba l-introduzzjoni tat-testijiet, anke rapid testing, minflok il-kwarantina.

Testijiet minflok kwarantina jafu jgħinu u jħaffu l-irkupru

Fil-fatt, ir-rapport tal-IATA jikkonferma li hemm sinjali ta’ żieda fid-domanda għall-ivjaġġar anke għall-btajjel.

Isemmi kif, pereżempju meta l-Gvern Ingliż neħħa l-kwarantina mandatorja għall-passiġġieri li jaslu mill-Gżejjer Kanarji, kien hemm żieda immedjata fil-bookings għall-ivjaġġar kemm minn u lejn dawn il-gżejjer. 

Fil-fatt, f’ġimgħa f’Ottubru, l-għadd tal-bookings kien jaqbeż id-doppju tal-livelli ta’ qabel il-pandemija, anke jekk imbagħad il-Gvern Ingliż kien kostrett jerġa’ jagħlaq il-fruntieri tiegħu.

Dan għalhekk juri li jekk ikun hemm iċ-ċans, għad hemm ir-rieda għas-safar. 

“Il-passiġġieri lesti li jivjaġġaw anke bl-ajru jekk minflok kwarantina, jkunu mitluba jippreżentaw test negattiv tal-Covid-19,” tisħaq l-assoċjazzjoni. “L-impożizzjoni tal-kwarantina minn diversi gvernijiet kienet ir-raġuni ewlenija għaliex id-domanda għall-ivjaġġar bl-ajru kkollassat fl-2020.”

83% tal-passiġġieri mhux se jivjaġġaw jekk ikun hemm kwarantina

Forsi tidher xi ħaġa ovvja li jekk ikunu kostretti jagħmlu kwarantina, inqas nies se jitħajru jivjaġġaw. Dan iżda ġie ppruvat ukoll minn studju li sar.

Minn sondaġġ li għamlet l-istess assoċjazzjoni, jirriżulta li 83% tal-passiġġieri mhux lesti jivjaġġaw jekk fid-destinazzjoni, jew meta jaslu lura pajjiżhom, ikunu kostretti jagħmlu kwarantina.

Fil-fatt, l-IATA tisħaq li l-iżvilupp ta’ testijiet li r-riżultat tagħhom ikun magħruf aktar malajr, filwaqt li jkunu preċiżi u affordabbli, jew inkella t-testijiet sistematiċi qabel l-ivjaġġar, huma alternattiva għall-miżuri ta’ kwarantina li jistgħu jgħinu biex tkun irkuprata l-konnettività globali

L-istess studju wera kif 65% tal-passiġġieri qablu li jekk jippreżentaw test negattiv tal-Covid-19 ma għandhomx ikunu kostretti jagħmlu l-kwarantina. 84% jaqblu li t-testijiet għall-passiġġieri għandhom ikunu mandatorji filwaqt li 88% tal-passiġġieri jaqblu li jagħmlu test għall-Covid-19 bħala parti mill-proċess tal-ivjaġġar.

Propju għalhekk li l-IATA qed tisħaq kif filwaqt li din ma għandix tkun struttura fissa, it-testijiet mandatorji huma importanti ħafna f’dawn iż-żminijiet. 

“Il-Gvernijiet għandhom jikkunsidraw l-istimolu ekonomiku li l-avjazzjoni biss tista’ tipprovdi meta jagħtu prijorità lir-riżorsi tagħhom tal-ittestjar. Jekk il-konnettività globali tirkupra, din se tkun qed tagħti spinta lill-impjiegi fis-setturi tal-avjazzjoni u t-turiżmu li jammontaw għal 10% tal-impjiegi globali.”

It-trasport tal-merkanzija bl-ajru ftit li xejn affettwat...

Fuq in-naħa l-oħra tal-munita hemm it-trasport tal-merkanzija bl-ajru li anke jekk naqas, bl-ebda mod ma niżel għal-livelli li fih niżel l-ivjaġġar tal-passiġġieri.

Fil-fatt, f’Settembru li għadda, il-volum tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru kien 8% biss inqas mill-figuri tas-sena li għaddiet.

Għall-kuntrarju ta’ vjaġġar ieħor, dak tal-merkanzija baqa’ essenzjali u importanti anke għat-tagħmir mediku u l-mediċini.

L-uniku sfida li ffaċċja t-trasport tal-merkanzija bl-ajru kien l-ispazju fuq l-ajruplani hekk kif ħafna titjiriet kummerċjali kienu jew għadhom wieqfa.

Fil-fatt, normalment, apparti bl-ajruplani tal-merkanzija, kważi nofs il-volumi tal-merkanzija jinġarru bl-ajruplani tal-passiġġieri.
 
Tant hu hekk li sa Settembru li għadda, l-ispazju għall-merkanzija fuq l-ajruplani kien 25% inqas minn dak tas-sena li għaddiet.

Impatt devastanti fuq il-finanzi tal-linji tal-ajru

Bla dubju ta’ xejn, dawn l-isfidi kollha ħallew impatt, li l-IATA ssejjaħlu devastanti fuq id-dħul tal-industrija tal-avjazzjoni.

Fil-fatt, id-dħul totali għall-industrija tal-avjazzjoni, sa issa, naqas b’aktar minn 60%.

L-assoċjazzjoni tirraporta kif minħabba l-fatt li l-industrija għandha ħafna spejjeż li diffiċli tnaqqas, fosthom minħabba l-ajruplani u anke l-impjiegi li ma tistax tgħaddi mingħajrhom, l-industrija se tkun qed tiffaċċja telf bla preċedent.

Huwa stmat li t-telf globali se jkun qed jaqbeż is-€97.7 biljun.

Fil-fatt, l-assoċjazzjoni tikkonkludi li meta wieħed iqis dawn il-fatturi kollha u t-telf li se tkun qed tagħmel l-industrija, kieku ma kienx għall-għajnuna li diversi stati taw lil-linji tal-ajru, kieku ħafna kienu jfallu.

“Il-linji tal-ajru li se joħorġu minn din il-kriżi se jagħmlu dan b’livelli ogħla ta’ dejn,” jisħaq ir-rapport.

 

1.2 biljun passiġġier ... 44 biss ħadu l-virus minn fuq l-ajruplan

Ir-rapport jispjega wkoll il-miżuri li ħadet l-IATA u li kkomunikat mal-membri tagħha bil-għan li jonqos ir-riskju tat-tixrid tal-Covid-19 fuq l-ajruplani u biex ikunu protetti s-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri.

Mill-informazzjoni miġbura, sal-aħħar ta’ Ottubru tal-2020 kien hemm biss 44 każi ta’ trasmissjoni tal-virus minn fost 1.2 biljun passiġġier li qabdu l-ajruplan fil-qalba tal-pandemija. Dan ifisser każ wieħed biss għal kull 27.3 miljun passiġġier.

Fil-fatt, u dan kien ikkonfermat ukoll minn uffiċjali tal-Air Malta li kienu tkellmu mal-gazzetta ILLUM, ir-riskju li persuna tieħu l-virus minn fuq ajruplan sakemm tkun liebsa maskra huwa baxx ħafna.

Skont l-IATA ir-riskju huwa baxx għal diversi raġunijiet  u fost dawn issemmi l-fatt li s-seats qed iħarsu kollha ‘l quddiem, fl-istess direzzjoni fejn ftit li xejn ikun hemm interazzjoni wiċċ imb’ wiċċ bejn il-passiġġieri, bl-istess seats iservu ta’ barriera bejn passiġġier u ieħor.

Iżda forsi l-aktar ħaġa effettiva huma l-HEPA filters li l-effiċjenza tagħhom hija ta’ 99.9%. Apparti minn hekk, l-arja fil-kabina tal-ajruplan tinbidel kull żewġ jew tliet minuti.

L-arja tkun assorbita minn fuq għal isfef u għalhekk mhux tgħaddi tul il-kabina kollha. Dan ikompli jnaqqas ir-riskju tat-tixrid tal-virus. Dan apparti li kuljum l-ajruplani qed jiġu ssanitizzati.

Ir-rapport jagħmel ukoll referenza għal studju ppubblikat fuq il-Journal of Travel Medicine li jħares lejn it-titjiriet tal-Emirates minn Dubaj għal Ħong Kong bejn is-16 ta’ Ġunju u l-5 ta’ Lulju.

Fil-fatt kien hemm ħames ajruplani li fuqhom irriżulta li kien hemm għadd ta’ passiġġieri bil-Covid-19. Fuq dawn it-titjiriet, ta’ tmien sigħat-il waħda kien hemm 58 passiġġier bil-Covid-19. Minkejja dan, ma kien hemm l-ebda każ ta’ trasmissjoni tal-virus, jiġifieri l-ebda passiġġier ieħor ma ġie nfettat bil-virus.

 

Vouchers flok flus lura ... ir-rakkomandazzjonijiet tal-IATA għal-liġi tal-UE

Ir-rapport jagħmel ukoll referenza għall-fatt li minħabba l-fatt li l-linji tal-ajru kellhom inqas flus f’idejhom, bdew jagħtu vouchers minflok flus lura lill-passiġġieri li kellhom titjiriet ibbukkjati u li ma sarux minħabba l-pandemija.

L-IATA tisħaq li dawn il-vouchers jagħtu ċans lil-linji tal-ajru biex jippreservaw il-flus biex ikunu jistgħu jgħaddu mill-kriżi filwaqt li l-klijenti tagħhom jingħataw iċ-ċans li jipposponu u mhux iħassru t-titjira tagħhom.

Fl-Ewropa, l-IATA kellha titlob emenda għall-EU261, liġi Ewropea għad-drittijiet tal-passiġġieri biex il-klijenti tal-linji tal-ajru jkunu jistgħu jingħataw vouchers flok flus lura.

Fil-fatt, l-IATA tiġbed l-attenzjoni li l-EU261 mhijiex indirizzata biex tittrata każi ta’ eluf kbar ta’ kanċellazzjonijiet. 

“16-il Stat Membru, li jirrappreżentaw kważi 70% tal-popolazzjoni tal-UE jaqblu ma’ dan għax appoġġjaw it-talba tal-IATA,” saħaq ir-rapport.

Fil-fatt, l-IATA tikkonkludi li din il-liġi mhijiex adegwata u għandha tkun emendata biex tkun aktar flessibbli.

 

It-trasport tal-vaċċin: ‘Il-missjoni tas-seklu għall-industrija tal-avjazzjoni’

Minkejja l-isfidi li għaddiet minnhom, l-industrija tal-avjazzjoni kienet importanti ħafna fi żmien il-pandemija tant li matul dawn ix-xhur waslet:

1.5 miljun tunellata ta’ PPE (ilbies protettiv għall-frontliners) u tagħmir mediku ieħor. B’kollox saru 46,000 titjira
5 miljun persuna lura f’pajjiżhom. 40,000 kienu titjiriet iddedikati għar-ripatrijazzjoni ta’ persuni li nqabdu f’pajjiżi oħra waqt lockdowns

Ingħataw ukoll 250,000 biljett b’xejn għal frontliners.

Iżda l-akbar missjoni għall-industrija tal-avjazzjoni se jkun it-trasport tal-vaċċin li d-Direttur Ġenerali tal-IATA, Alexander de Juniac jiddeskriva bħala: “il-missjoni tas-seklu.”

Fil-fatt, ir-rapport jirrikonoxxi li din se tkun missjoni kbira u importanti għall-industrija tal-avjazzjoni, aktar u aktar meta wieħed iqis l-isfidi li t-trasport tal-vaċċin se jġib miegħu, partikolarment minħabba t-temperaturi. 

Skont l-IATA, biex 7.8 biljun persuna madwar id-dinja jingħataw doża waħda tal-vaċċin iridu jimtlew xejn inqas minn 8,000 ajruplan tat-tip Boeing 747. Dan in-numru jirdoppja jekk wieħed iqis li l-vaċċin kontra l-Covid-19 jirrikjedi li kull persuna li titlaqqam tieħu żewġ dożi.

Għal dan il-għan, l-IATA qed tagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet:

  • Proċeduri aktar effikaċi għal dawk it-titjiriet li jkunu neżlin f’pajjiż bil-vaċċin
  • Eżenzjoni għall-membri tal-ekwipaġġ mill-kwarantina biex ma jkunx hemm dewmien
  • Tingħata prijorità lill-iżbark tal-vaċċin biex ma jkunx hemm dewmien minħabba t-temperaturi
  • Jitnaqqsu jew jitneħħew tariffi biex ikun iffaċilitat il-moviment għall-vaċċin.

Il-pandemija twaqqaf aktar minn 50 konnessjoni bl-ajru li kellha Malta

F’policy note li l-Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika din il-ġimgħa saħaq li jekk Malta trid tibbenefika millirkupru eventwali ta’ wara lCOVID19, huwa kruċjali li tistabbilixxi millġdid jew tirkupra nnumru sinifikanti ta’ konnessjonijiet diretti blajru li ntilfu waqt ilpandemija.
Fl-istqarrija, il-Bank Ċentrali spjega kif fl-2005 Malta kellha 84 konnessjoni diretta blajru, ammont li tela’ għal 125 fl-2019. Fil-fatt, fl-2005, Malta kellha titjiriet diretti lejn 27 pajjiż u 40 fl-2019.

Madankollu, ilpandemija talCOVID19 ħalliet impatt sostanzjali hekk kif fl2020 intilfu aktar minn 50 konnessjoni blajru. 70 biss baqgħu attivi. 
“Ilkonnettività blajru għandha rwol kruċjali fliffaċilitar taliżvilupp ekonomiku permezz ta’ diversi mezzi – bħallindustriji tatturiżmu u lmanutenzjoni talinġenji tal-ajru – kif ukoll impatti indiretti u kkaġunati – u dawk fejn ilkonnettività taġixxi bħala katalista. Irrelazzjoni bejn ilkonnettività blajru u lekonomija tmur fiżżewġ direzzjonijiet, bħal pereżempju, liżvilupp ta’ infrastruttura bħallajruporti tipprovdi opportunità għallpromozzjoni talesportazzjonijiet (bħatturiżmu), ittejjeb loperat u lproduttività tannegozji, u kif ukoll tinfluwenza lpost u ddeċiżjonijiet ta’ investiment talkumpaniji,” insista l-Bank Ċentrali.

Il-policy note enfasizzat li dawk li jfasslu lpolitika għandhom jagħmlu ħilithom sabiex iżommu u jtejbu lkonnettività lejn ċentri kbar li jibqgħu l-aktar importanti mil-lat ekonomiku.

More in Politika