Il-but kif se jkun fl-2021? Aktar minn nofs il-poplu jemmen li se jkun aħjar

 ... l-aktar li qed jaraw illi s-sena d-dieħla se tkun aħjar finanzjarjament huma votanti Laburisti fl-2017, iż-żgħażagħ u l-Għawdxin

Sondaġġ xjentifiku magħmul mill-Mediatoday juri kif ftit aktar minn nofs il-poplu Malti jemmen li s-sena d-dieħla il-qagħda finanzjarja tiegħu se tkun aħjar.  Dan fid-dawl tal-istennija li fl-2021 ikun hawn vaċċin kontra l-pandemija tal-Covid-19 bil-konsegwenza li l-ħajja terġa tibda ġejja għan-normal u magħha l-ekonomija. 

Fil-fatt huma total ta' 53.2% li jemmnu illi fl-2021 se jkollhom but aktar mimli minn bħalissa filwaqt li huma 7.1% biss li wieġbu fin-negattiv.  Ftit inqas minn kwart tal-popolazzjoni - jew 23.8% jemmnu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se tibqa' l-istess.  Minn naħa l-oħra 15.5% qalu illi ma jafux. 

Votanti Laburisti fl-2017 aktar pożittivi dwar id-dħul tagħhom fl-2021
Jekk wieħed imbagħad jibda jaqsam lill-parteċipanti skont l-età, ġeografija, edukazzjoni u partit wieħed isib illi dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017 huma ħafna iktar pożittivi dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom minn dawk li vvutaw lill-PN. Fil-fatt huma 60% tal-votanti Laburisti fl-2017 li jemmnu li fl-2021 se jkunu aħjar waqt li 4.7% biss qed jgħidu li jkunu agħar, 21.3% mhux qed jaraw bidliet u 13.8% ma jafux.  Dan filwaqt li huma biss 40% ta' dawk li vvutaw PN fl-aħħar elezzjoni li jemmnu illi s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se tkun aħjar is-sena d-dieħla filwaqt li 11.5% wieġbu fin-negattiv.  Ftit iktar minn kwart, jew 27%, qalu li s-sitwazzjoni se tibqa' l-istess u 20% qalu li ma jafux.

L-aktar li qed jaraw but mimli huma ż-żgħażagħ u l-Għawdxin

Intant l-aktar pożittivi dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom għas-sena d-dieħla huma ż-żgħażagħ b'55.9%, dawk b'edukazzjoni primarja b'57.7% u l-Għawdxin b'77.3%. 

L-aktar li wieġbu fin-negattiv għal din il-mistoqsija huma dawk ta' bejn is-36 u l-50 sena b'7.7%, dawk b'edukazzjoni primarja b'10.4% u dawk li jgħixu fix-xlokk tal-pajjiż b'14.3%. 

Fil-fatt fix-xlokk tal-pajjiż - li jinkludi l-irħula ta' Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, iż-Żejtun u Wied il-Għajn fost oħrajn - kif ukoll dawk miż-żona tan-nofsinhar tal-port li tinkludi lill-Kottonera u Ħaż Żabbar - huma l-inqas persuni pożittivi dwar il-finanzi għall-2021, b'44.7% u 43.5% rispettivament. 

L-aktar illi qalu li s-sitwazzjoni tagħhom se tibqa' l-istess kienu, mill-ġdid, dawk ta' bejn is-36 u l-50 sena b'27.4%, dawk b'edukazzjoni terzjarja b'33.4% u dawk li pparteċipaw u kienu, mill-ġdid, mix-xlokk tal-pajjiż b'29.8%. 

B'17.7% dawk mit-tramuntana tal-port, li jinkludi postijiet bħal Tas-Sliema, San Ġiljan, Birkirkara, is-Swieqi u l-Ħamrun, huma l-aktar inċerti dwar il-finanzi fl-2021.

Fuq il-bażi tal-ġeneru m'hemmx wisq differenzi għalkemm b'18.2% in-nisa huma ftit iktar inċerti mill-irġiel (12.7%) imma aktar pożittivi dwar is-sitwazzjoni finanzjarja (53.6%) mill-irġiel (52.6%). 
  

More in Politika