L-UE tibda proċeduri kontra Malta fuq il-ftuħ tal-istaġun tal-insib

Il-Gvern 'jieħu nota' imma jgħid li se jiddefendi l-interessi tal-kaċċaturi u n-nassaba

L-Unjoni Ewropea se tkun qed tieħu azzjoni kontra Malta talli ippermettiet li ssir kaċċa fir-rebbiegħa mingħajr infurzar kif suppost, kif ukoll talli fetaħ l-istaġun tal-insib taħt ir-raġunijiet ta' "riċerka xjentifika".

Il-Kummissjoni Ewropea qalet lil Malta illi d-deroga għall-insib iddur mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja. 

Din hija waħda miż-żewġ ksur li sabet il-Kummissjoni kontra l-Gvern Malti li fetaħ l-istaġun minkejja ordni mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja "f'kundizzjonijiet simili, anke jekk taħt reġim differenti." 

Il-Kummissjoni qalet fid-deċiżjoni tagħha illi dawn id-derogi jonqsu mnilli jilħqu dak rikjest skont il-leġiżlazzjoni, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mas-superviżjoni tal-kundizzjonijiet tad-derogi, li jwassal biex speċi oħrajn ta' għasafar jintlaqtu wkoll.

"Billi l-Gvern Malti qagħad fuq informazzjoni li mhix suffiċjenti jew mhux preċiża falla milli jirrispetta l-kundizzjonijiet bażiċi tad-deroga," kompliet tgħid il-Kummissjoni. 

Intant il-Gvern Malti saħaq li ħa nota ta' din id-deċiżjoni u qal fi stqarrija li filwaqt li se jkun qiegħed iwieġeb fiż-żmien stipulat, "kommess li jibqa’ jiddefendi l-interessi tal-kaċċaturi u tan-nassaba Maltin u Għawdxin biex jiġu protetti d-drittijiet tagħhom kif inhuma mħarsin f’diversi stati membri oħra Ewropej."

Il-Gvern temm jgħid li huwa konvint li d-derogi applikati huma konformi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea dwar l-għasafar u fost is-salvagwardji eżistenti. 

More in Politika