‘Qed nieħu l-istess suppliment tal-paga li qed jieħdu r-ristoranti li huma miftuħa’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Matthew De Giorgio, sid ta’ wieħed mill-clubs ewlenin f’Malta dwar is-settur tad-divertiment li qala’ daqqa ta’ ħarta minħabba l-pandemija

Matul dawn il-ġimgħat, il-gazzetta ILLUM tat vuċi lil diversi negozji, f’setturi varji, li kienu affettwati direttament bil-pandemija tal-Covid-19 li ma ħafritha lil ħadd. Bla dubju ta’ xejn, l-industrija tad-divertiment kienet l-aktar waħda milquta ħażin, partikolarment il-clubs. Dawn ilhom magħluqa minn Awwissu u din is-sena fetħu biss għal sitt ġimgħat.

Dwar dan, l-ILLUM tkellmet ma’ Matthew De Giorgio, sid tal-kumpless Gianpula, wieħed mill-clubs ewlenin f’Malta, li insista li l-aktar ħaġa li qed iddejjaq u tinkwieta lilu u lil sidien oħra hija l-inċertezza. Minkejja li dawn jippjanaw ix-xogħol tagħhom minn xhur qabel, ma għandhom l-ebda indikazzjoni ta’ meta se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom.

Apparti minn hekk, De Giorgio insista li l-għajnuna li qed jingħataw is-sidien ta’ clubs u anke negozjanti oħra f’din l-industrija mhijiex biżżejjed.

“Jiena qed nieħu l-istess suppliment tal-paga li qed jieħdu r-ristoranti li llum huma miftuħa,” insista De Giorgio. “Anke t-tobba appellaw lill-Gvern biex jgħin aktar lil dawk li ġew ordnati jagħlqu għal kollox in-negozju tagħhom.”

‘Il-Gvern mhux jagħtina tama ... mhux jagħtina indikazzjoni’

Tkellimna dwar l-inċertezza li qed tolqot lill-industrija, b’De Giorgio jisħaq li l-Gvern mhux qed jagħti tama u lanqas indikazzjoni ta’ meta l-affarijiet, ftit ftit, jistgħu jerġgħu jirritornaw għall-aħjar.

De Giorgio saħaq li waqt il-programm l-Erbgħa fost il-Ġimgħa, huwa kien staqsa lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, x’se tkun it-triq ‘il quddiem għalihom jekk f’Jannar, kif inhuma l-indikazzjonijiet, jibda jitqassam il-vaċċin.

Fost oħrajn De Giorgio qed jistaqsi kemm iridu jitlaqqmu nies biex il-postijiet tad-divertiment ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jiftħu l-bibien tagħhom. “U jekk ikun hemm diversi nies li jagħżlu li ma jitlaqqmux, il-postijiet tad-divertiment se jibqgħu magħluqa?”, ikompli jistaqsi De Giorgio.

Fir-risposta tiegħu dakinhar, il-Ministru Fearne kien spjega li ma hemmx għalfejn titlaqqam il-popolazzjoni kollha biex tinqata’ dik li hu sejjaħ bħala “il-katina tal-pandemija.” Għalhekk, fi kliem Fearne, trid tlaqqam biżżejjed persuni biex ikun hemm biżżejjed “immunità fil-komunità,” biex jekk xi ħadd ikollu l-Covid-19, ma jinfettax lil kull min jiltaqa’ miegħu.

“Inkunu nafu biss meta jgħaddu numru ta’ xhur wara li jkun hawn it-tilqima,” kien qal il-Ministru. “Għadna ma nafux kemm it-tilqima hija effikaċi, kemm iddum l-immunità li tagħtik it-tilqima u ma nafux biżżejjed fuq il-marda nnifisha. Din ir-risposta, illum, ix-xjenza ma tistax tagħtiha. Inkunu nistgħu nweġbuha sitt xhur, disa’ xhur, sena wara li jkun hawn il-vaċċin.”

Matthew De Giorgio
Matthew De Giorgio

Ovvjament, spjega Fearne, sakemm ikun qed jingħata l-vaċċin, l-awtoritajiet jibqgħu jħarsu lejn in-numri u skont kemm dawn jibdew jinżlu, jibdew jinfetħu dawk in-negozji li bħalissa huma magħluqa.

“Imma meta dan se jkun u kemm irid ikun kbir in-numru tan-nies li jridu jitlaqqmu, illum ma nistgħux ngħidu,” kompla l-Ministru.

Madankollu, De Giorgio insista li risposta bħal din ftit li xejn tagħti tama li għandu bżonn is-settur bħalissa anke, għax kif spjegat aktar ‘il fuq, l-operaturi jibdew iħejju u jippjanaw minn xhur qabel.

‘L-ewwel turisti li se jkollna se jkunu żgħażagħ’

Komplejna wkoll nitkellmu dwar l-għajnuna, b’De Giorgio jisħaq li meta t-turiżmu jerġa’ jibda jieħu r-ruħ, l-ewwel turisti li se jiddeċiedu li jaqbdu ajruplan, se jkunu żgħażagħ.

“X’se jiġu jagħmlu Malta? Mhux biex jiddevertu?” kompla jisħaq De Giorgio u propju għalhekk li appella lill-Gvern biex jgħin aktar lil din l-industrija biex tkun tiflaħ u tibda tipprepara għal meta l-ħajja tibda ġejja lura għan-normalità.

Fakkar ukoll kif mill-industrija tad-divertiment, jiddependu wkoll negozji u industriji oħra.

Semma biss lill-aġenti tal-alkoħol u x-xorb li din is-sena qalgħu daqqa kbira. “La kellek festi u lanqas clubs miftuħa,” fakkar De Giorgio.

‘L-aktar settur li ntlaqatna...

Kien hawn li De Giorgio insista li minkejja li huma l-aktar settur li ntlaqat ħażin, kienu l-inqas li ngħataw għajnuna.

Saħaq li s-settur kollu tal-arti u d-divertiment, jiġbor fih mal-5,00 persuna li kważi kollha kemm huma spiċċaw bla xogħol u daharhom mal-ħajt.

“Aħna nippjanaw minn xhur qabel. Se nissogra noħroġ il-flus u ma jsir xejn? Se jkollha garanzija ta’ għajnuna?” staqsa.

‘Għolli s-suppliment tal-paga għall-maniġment tas-settur’

De Giorgio kompla jispjega li waħda mill-isfidi li dejjem jiffaċċja s-settur tad-divertiment huwa biex isib nies ikkwalifikati biex ikunu parti mill-maniġment.

Propju għalhekk li De Giorgio qed jappella biex is-suppliment tal-paga għal dawn il-persuni jogħla biex ikollhom biżżejjed inċentiv biex jibqgħu fis-settur.

“Aqbad is-suppliment tal-paga u tellgħu għal €1,200. Jekk hemm bżonn anke għall-maniġment tal-lukandi. Ma hemmx eluf ta’ nies,” insista De Giorgio. “Almenu lil dawn in-nies inżommuhom magħna u nibdew nippjanaw għal meta nerġgħu niftħu.”

Fi kliemu ħafna qed jagħlqu jew se jagħlqu għax ma jifilħux. “Għalhekk għandna bżonn tama,” kompla jisħaq.

Fakkar ukoll kif 98% tal-impjegati f’dan is-settur huma barranin. Ħafna minn dawn jaħdmu part-time fil-clubs u matul il-ġurnata jaħdmu fil-lukandi.

“Dawn huma n-nies li jikru u li ħafna minnhom telqu mill-pajjiż,” insista.

‘Biex naddatta jiena rrid noħroġ spiża kemmxejn kbira’

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lil De Griogio għaliex hu u sidien ta’ clubs oħra mhux kollha addattaw l-istabbilimenti tagħhom ikunu jixbħu aktar l-istil ta’ lounge u jkunu jistgħu jiftħu xorta waħda (anke jekk ħafna minn dawn illum magħluqa xorta).

De Giorgio saħaq li biex jagħmel dan fi stabbiliment bħal tiegħu jrid jinvesti l-eluf.

“Ristorant biex jaddatta se jnaqqas biss l-imwejjed. Jiena rrid noħroġ flus li m'hemm l-ebda granzija li se tikuprahom lura, minħabba li ma nafux kemm se ddum din il-pandemija” insista De Giorgio.

Għal min qed jagħmel din il-kritika, De Giorgio fakkar li xorta waħda addattaw b’xi mod għal din is-sitwazzjoni u fakkar fid-Drive-Thru li qed tkun organizzata għal żmien il-Milied, partikolarment għat-tfal u l-familji.

More in Politika