'Tradiment kontra l-front liners' - L-MUMN waqt li l-Qorti tilqa' mandat biex jitwaqqfu direttivi tagħha

Pace jiċħad li l-MUMN qed tinkoraġixxi lill-membri tagħha jinjoraw dan il-mandat ...

(Arkivji)
(Arkivji)

Il-Qorti laqgħet mandat tal-Gvern biex azzjonijiet industrijali mill-Unjin għall-Infermiera u l-Qwibel (MUMN) fis-settur tas-saħħa jitwaqqfu ghax il-Gvern qal li dawn qed jaffetwaw is-servizzi essenzjali, b'sorsi mill-Isptar jgħidu li diversi pazjenti kellhom jistennew għal sigħat sħaħ jew saħansitra jintbagħtu lura d-dar - bl-appuntament pospost - minħabba dawn id-direttivi. 

L-MUMN tat direttivi - li qalet illi kienu mija il-mija suċċess - primarjament sabiex l-infermiera jibdew jingħataw l-istess allowances li għandhom professjonisti oħrajn fil-qasam tas-saħħa u l-kura.

"Li jintużaw il-Qrati biex jitwaqqfu l-membri tal-MUMN milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, mhix aċċettabbli f'pajjiż demokratiku, speċjalment meta unjins oħrajn qed jiġu trattati b'mod differenti."

"Dan huwa att ta' arroganza u tradiment kontra l-frontliners mill-Prim Ministru u l-Ministru tas-Saħħa u dan il-mandat qed jibgħat messaġġ ċar lill-infermiera u l-qwiebel illi ma hemm ebda rispett lejn din il-professjoni mill-Gvern," sostniet l-istess unjin. 

Intant dan is-sit staqsa lill-President tal-MUMN Paul Pace dwar messaġġ li ra, illi fih uffiċjal tal-MUMN qed jappella lill-ħaddiema biex ikomplu bl-azzjonijiet industrijali u ma jagħtux każ ta' x'qed jgħid il-maniġment.  Pace qal li dan ma għandux x'jaqsam ma' dawn id-direttivi, imma ma' direttivi separati li għaddejjin fuq kwistjoni differenti fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. 

L-MUMN qalet illi se tirrispetta dan il-mandat sal-Erbgħa 22 ta' Diċembru meta se jsir is-smigħ dwaru quddiem il-Qorti. 

 

 

More in Politika