L-eks PM Muscat u l-Ministru Zammit Lewis jammettu li qagħdu f'lukanda ta' Yorgen Fenech imma jiċħdu li ħallas hu

Edward Zammit Lewis u Joseph Muscat jgħidu li din is-safra mhux vera saret fl-Għid tal-2017, b'Zammit Lewis jgħid li dakinhar kien Sqallija mal-familja

L-eks PM Joseph Muscat u warajh Edward Zammit Lewis
L-eks PM Joseph Muscat u warajh Edward Zammit Lewis

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ammettew illi kienu qagħdu fil-lukanda Hilton fi Franza flimkien mal-familja tagħhom, f'Evian-Les-Bains imma ċaħdu illi kien hemm Yorgen Fenech magħhom jew inkella li kien in-negozjant, akkużat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia,  li ħallas għal din il-vaganza privata. 

Is-sit Lovin Malta żvela din is-safra għalkemm irrapporta wkoll li s-sorsi tiegħu qed jgħidu li parti minn din il-vaganza kienet imħallsa minn Fenech u li kienet saret fl-2017 u li fil-fatt iż-żewġ familji ma ħallsux għal akkomodazzjoni tagħhom f'din il-lukanda .  Zammit Lewis qed jinsisti li din il-vaganza seħħet fl-2014, filwaqt li Muscat qal li mhuwiex ċert. 

Is-sit kompla jirrapporta kif Zammit Lewis u Muscat u l-familji tagħhom kienu qabdu titjiriet lejn Evian li ħallsu huma, iżda waqt din il-vaganza kellhom jattendu summit fi Brussell u biex marru allegatament qabdu private jet ta' Fenech.  L-ispejjeż kienu mħallsin mill-UE. 

Muscat qal li kien il-Vistajet li użaw u mhux il-jet privat ta' Fenech. 

Zammit Lewis insista li kuntrarjament għal ħaddieħor - f'referenza ovvja għall-istorja żvelata mill-gazzetta ILLUM dwar Jason Azzopardi - "ma ċempiltx lill-familja Fenech għal xi pjaċir u qatt ma staqsejt f'liema lukanda se noqgħod jew tajt rigali bħala kumpens."

'Fl-Għid kont Sqallija mal-familja' - Zammit Lewis

F'reazzjoni uffiċjali l-Ministru Zammit Lewis qal li fl-2017 ma kien hemm ebda vaganza lejn Franza ma' Muscat, għax din seħħet sitt snin qabel, fl-2014.  Nhar l-Għid tal-2017 huwa jgħid li kien mal-familja tiegħu fi Sqallija u kienu qagħdu fil-Borgo Alveria Agriturismo.

"Dan il-punt minnu innifsu juri li r-rapport fuq is-sit ma kienx bona fede."

Zammit Lewis qal li ż-żewġ familji kienu ħallsu t-titjiriet minn u lejn Malta fi-rigward tal-vaganza fi Franza, b'Zammit Lewis iħallas dawk tal-familja tiegħu. 

Ġimgħatejn ilu irċevejt mistoqsijiet mingħand mezz tax-xandir wara li persuna magħrufa sew bdiet iddur xi media tfesfes,...

Posted by Joseph Muscat on Thursday, November 26, 2020

Huwa ma ċaħadx iżda li kellu l-lukanda mħallsa għalih, għajr li reġa' fakkar illi hu ma staqsa għall-ebda pjaċir jew xi ħaġa b'xejn.

Zammit Lewis qal ukoll li waqt il-vaganza f'Evian il-Prim Ministru kien mistieden għal-laqgħa tal-Mexxejja Ewropej f'Pariġi, li kienet oganizzata malajr u hu intalab imur miegħu bħala Ministru tal-Kabinet, xi ħaġa li jfakkar illi prattika normali għal dawn it-tip ta' laqgħat.

More in Politika