Tħassib u inkwiet fost ħafna negozji, hekk kif joqrob il-Milied u l-Ewwel tas-sena

Ħafna negozji jinsabu mħassbin hekk kif jidher li n-negozju reġa' ħa majnata 'l isfel, kif ħadet il-kunfidenza fost is-settur tas-servizzi ....

"Ħadna majnata." Hekk sostna sid ta' ħanut żgħir tax-xorb u l-ikel fit-tramuntana tal-pajjiż li għandu liċenzja ta' snack bar li qal illi l-fatt li għal ħafna ġimgħat ma setgħux ibiegħu mqar flixkun inbid fisser illi ħadd ma beda jmur u n-negozju miet.  "Fil-verità aħjar għalaqna.  Jekk qabel kont nagħmel ordni f'ġimgħa għal birra, issa nagħmel ordni f'xahar.  M'hawnx xogħol u ma ninsewx li hawn ħafna nies li jew tilfu xogħolhom jew qegħdin b'xi three-day week."

Dan is-sentiment qed ikun espress minn diversi negozjanti bħalissa f'diversi oqsma tant li huwa rifless f'daqqa kbira 'l isfel fil-kunfidenza fost dawk li joperaw fis-settur tas-servizzi - skont aġġornament ekonomiku ppubblikat mill-Bank Ċentrali din il-ġimgħa. 

F'kummenti ma' din il-gazzetta il-President tat-Taqsima tad-Divertiment fil-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji Philip Fenech qal illi jekk il-barijiet u stabbilimenti jibqgħu ma jiftħux għall-Milied u l-Ewwel tas-Sena - għalkemm tkun deċiżjoni li wieħed jifhem fiċ-ċirkostanzi - xorta "tkun daqqa kbira ħafna." 

"Aħna mhux qed nippretendu b'ebda mod li jinfetħu n-negozji, ħa nkunu ċari. Sempliċiment qed infakkru x'daqqa qed nieħdu u xi ħsara qed issir minħabba l-Covid-19," qal Fenech.  Huwa fakkar li bħal dan iż-żmien- normalment - ikunu diġa' bdew deħlin il-bookings għall-festini tal-familji, ikliet bejn il-ħbieb u festini għall-postijiet tax-xogħol li bħalhom isiru ħafna madwar il-pajjiż.

Fakkar illi l-Milied u l-Ewwel tas-Sena huma fost l-aktar perjodi kruċjali għax-xogħol. 

"Tkun ħasra kbira u daqqa kbira jekk nibqgħu magħluqin - u tajjeb ninnutaw illi l-problema u issa bil-provi ma kienx biss is-settur tad-divertiment. Il-bars magħluqin, imma l-virus għadu qed jixtered, anke jekk huwa minnu wkoll illi kieku l-bars baqgħu miftuħin in-numri kienu jkunu ikbar.  Imma mhux vera li kollox kien ġej mid-divertiment."

€1.8 biljun f'self maqbud f'moratorji ... aktar minn 6,000 self fuq djar imwaqqaf minħabba l-Covid-19

B'kollox, sal-aħħar ta' Settembru, kien hemm €1.24 biljun ta' self maqbud f'moratorji ta' negozji u man-nofs biljun fuq self ta' djar, permezz ta' miżura li kien ħabbar il-Gvern sabiex ikun jista' jgħin fiż-żmien tal-pandemija.  L-aktar negozji li kellhom il-ħlas tas-self tagħhom imwaqqaf, minħabba nuqqas ta' xogħol u flus, kienu dawk li joperaw fl-akkomodazzjoni u li joffru servizzi tal-ikel, bħar-ristoranti u barijiet.  

B'kollox f'dan is-settur  - skont l-Aġġornament ekonomiku tal-Bank Ċentrali Malti  - hemm €258 miljun f'self maqbud f'moratorji li fil-fatt jirrapreżenta 55% tas-self kollu meħud f'dan is-settur.  B'kollox kienu 439 negozju li talbu biex jieħdu moratorju. 

Dan huwa l-aktar settur li ntlaqat minħabba diversi fatturi primarjament il-ġimgħat li matulhom l-ajruport kien magħluq u allura t-turiżmu waqaf b'mod assolut, in-nuqqas kbir ta' turisti matul is-sena, il-lockdown parzjali u nuqqas ta' kunfidenza fost il-konsumturi u fost is-sidien ta' dawn in-negozji. 

L-istess aġġornament juri kif is-settur tas-servizzi esperjenza l-akbar daqqa 'l isfel fil-kunfidenza, hekk kif in-numri ta' każi ta' Covid-19 reġgħu żdiedu filwaqt li reġgħu ddaħħlu restrizzjonijiet ġodda fuq barijiet u każini li ngħaqdu mal-clubs - illi ilhom magħluqin minn Awwissu. Fil-fatt l-indiċi ta' kunfidenza f'dan is-sttur niżel minn -3.5 għal -32.3 f'Ottubru li għadda.

Din il-gazzetta rrappurtat diversi drabi kif minkejja nuqqas ta' bejgħ f'dan is-settur madwar il-pajjiż kollu, in-negozju fil-Belt Valletta huwa fost l-aktar li qala' daqqa kbira. 

Intant is-settur tal-bejgħ u xiri ta' proprjetà kien settur ieħor illi kellu ammonti kbar f'self mabud f'moratorji:  €317-il miljun li jirrapreżenta 32% tas-self kollu f'dan is-settur.  B'kollox kienu 408 negozju f'dan is-settur li ħa self.

Fis-settur tat-trasport, informazzjoni u komunikazzjoni 111-il kumpanija ħadu moratorji fuq €86.7 miljun ta' self - li huwa 32.2% tas-self kollu f'dan il-qasam filwaqt li 503 kumpaniji fl-oqsma tal-bejgħ bl-imnut u bejgħ tal-vetturi, ħadu b'€141 f'moratorji li jirrapreżentaw  22.1% tas-self li ttieħed.

Intant sal-aħħar ta' Settembru kien hemm 6,022 self fuq djar li kien nqabdu f'moratorju b'aktar minn nofs biljun f'valur.  Fil-fatt kienu b'kollox €554 miljun li kienu maqbudin f'self u li jirrapreżentaw 8.8% tas-self kollu meħud għal xiri ta' djar. 

B'kollox dan l-aġġornament jirrapporta kif sal-aħħar ta' Settembru kien hemm 8,335 self imwaqqaf temporanjament permezz ta' moratorju.

More in Politika