Aktar riżultati pożittivi dwar il-vaċċin; Moderna tgħid li l-vaċċin tagħha huwa 95% effettiv

Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, Pfizer u BioNTech ikkonfermaw li l-vaċċin tagħhom huwa aktar minn 90% effettiv

Ikomplu l-aħbarijiet sbieħ dwar il-vaċċin hekk kif l-ewwel riżultati tat-testijiet li saru fuq il-vaċċin li qed tiżviluppa l-kumpanija Moderna, urew li dan huwa 95% effettiv.

Dan wara li l-ġimgħa li għaddiet, Pfizer u BioNTech ikkonfermaw li l-vaċċin tagħhom huwa aktar minn 90% effettiv.

Moderna ddeskriviet din il-ġurnata bħala "ġurnata pożittiva" ħafna u qed tippjana li tapplika għall-approvazzjoni tal-vaċċin fil-ġimgħat li ġejjin.

Minkejja dan, ftit għadu magħruf dwar ir-riżultati miksuba minn Moderna.

X'nafu dwar il-vaċċin ta' Moderna?

Din il-kumpanija daħlet fi sħab mal-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa tar-Renju Unit.

Fl-ewwel testijiet irriżulta li l-vaċċin li qed jiżviluppaw jipproteġi x-xadini mill-coronavirus. F’Marzu, il-kumpanija bdiet it-testijiet fuq l-umani u dawn ukoll ħallew riżultati pożittivi hekk kif anke hawn il-parteċipanti żviluppaw antibodies li nstabu f’ħafna mill-pazjenti li kellhom il-Covid-19 u fiequ. 

Fl-aħħar ta’ Lulju, Moderna għaddiet għat-tielet u l-aħħar fażi li tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 30,000 persuna. Kienu 15,000 persuna li ngħataw il-vaċċin. Bħal fil-każ ta' Pfizer, dan il-vaċċin huwa maqsum f'żewġ dożi, li jittieħdu fi żmien erba' ġimgħat.

L-analiżi kienet ibbażata fuq l-ewwel 95 persuna li żviluppaw is-sintomi tal-Covid-19. Kienu ħames persuni biss, li ngħataw il-vaċċin, li xorta waħda żviluppaw il-virus u propju għalhekk li l-ewwel riżultati jikkonkludu li l-vaċċin huwa 95% effettiv.

Minn fost dawn il-persuni, kien hemm 11-il każ ta' pazjenti li żviluppaw sintomi severi. Ħadd minn dawn ma kien ingħata l-vaċċin.

Dwar dan il-vaċċin, sa issa, ma tqajmu l-ebda mistoqsijiet dwar is-sigurtà tiegħu. Jidher li xi persuni li ħadu l-vaċċin, għall-bidu ħassewhom xi ftit għajjiena u żviluppaw ukoll uġigh ta' ras.

Fil-11 ta’ Awwissu, il-Gvern Amerikan wiegħed lil din il-kumpanija biljuni ta’ dollari jekk tipprovdi 100 miljun doża tal-vaċċin li jkun sigur u effettiv. Anke l-Kanada laħqet ftehim mal-kumpanija f’Settembru biex tipprovdilha 20 miljun doża.

More in Politika