Bernard Grech jgħid li l-Gvern ma żammx kelmtu mal-Għawdxin fuq il-ħolqien tax-xogħol f'Għawdex

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista b'serje ta' laqgħat f'Għawdex

Bernard Grech f'Għawdex illum
Bernard Grech f'Għawdex illum

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fil-gżira Għawdxija huwa qal li minkejja l-ħafna wegħdiet tal-Partit Laburista, fosthom dik li jkattar ix-xogħol għall-Għawdxin ġewwa Għawdex, "il-gvern injora dan l-aspett kompletament tant li n-numru ta’ persuni Għawdxin li huma kostretti jaħdmu f’Malta aktar milli rdoppja f’dawn l-aħħar seba' snin."

Dwar il-konnettività bejn il-gżejjer Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista jemmen li wieħed irid qabel kollox jisma’ dak li jridu l-Għawdxin u li għandhom isiru studji serji u professjonali "għaliex Għawdex ma jistax isir estensjoni ta’ Malta, xi ħaġa li ttellef l-identita’ u l karatteristika tiegħu."

Il-Kap Nazzjonalista qal ukoll li wieħed ma jistax jibqa jinjora t-tibdiliet li qed iseħħu fit-tessut soċjali ta’ Għawdex u li qegħdin joħolqu diffikultajiet fil komunitajiet, fosthom kirjiet aktar baxxi meta kkomparat ma’ Malta. "Dan minbarra sitwazzjoni fejn minkejja l-ħafna wegħdiet tal-Labour fid-diversi budgets permezz tal-wegħda ta’ diversi proġetti u żviluppi, kollha baqgħu fuq l-ixkaffa."

Grech temm jgħid li l-PN irid li jibni politika fejn Għawdex ikun reġjun mhux biss aktar produttiv iżda wieħed li jista’ jmantni u jsostni lilu nnifsu aħjar.

More in Politika